Lokali

Bernard Grech bi proposti għax Abela tilef il-kontroll tal-pandemija

“Meta l-Prim Ministru jistaqsi dawn id-domandi jkompli jikkonferma kemm tilef il-kontroll tal-pandemija u issa ma jafx x’se jaqbad jagħmel.”

Sostna dan fuq il-midja soċjali ta’ Facebook il-Kap tal- Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li l-Erbgħa filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela staqsa kieku kien x’jagħmel differenti minnu Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN sostna li minflok jiskuża ruħu mal-familji tal-vittmi kollha li tilfu ħajjithom b’dan il-virus qed jinħela f’din in-narrattiva partiġġjana.

Bernard Grech insista li kieku huwa kien jagħmel screening aħjar fl-ajruport malli tfaċċat it-theddida tal-varjanti l-ġodda.

Kien jara li ma tikkollassax is-sistema tal-contact tracing u kien jara li jkun hemm infurzar serju.

Huwa insista li kien jieħu l-miżuri kollha xierqa fiċ-ċirkostanzi skont it-tagħrif kollu tal-esperti tas-saħħa u f’kull qasam ieħor.

Iżda insista li żgur ma kienx jgħid li l-mewġ qiegħed fil-baħar, li ċertament ma kienx jindaħal lill-awtoritajiet tas-saħħa u jibgħat messaġġ li fis-Sajf kollox kien normali.

Bernard Grech saħaq li ma kienx jgħid darba wara l-oħra li kollox business as usual jew li se naħarbu niġru waqt li għadna nissieltu mal-pandemija.

Finalment huwa sostna li kieku kien flok Robert Abela, ma kienx ineħħi lil Kenneth Grech minn ko-ordinatur tal-Covid-19 team għax ta parir li l-iskejjel kellhom jingħalqu.

https://www.facebook.com/bernardgrechmt/posts/1083292845515353?cft[0]=AZWS2m4qvJd-Ejk3Uf18BodZiufm6rmriHY9ieWUJ3EEPCkWLDNNtEr6ltgUwCuSyZotht_FCseyG9mNzaHtENX6amQZOqUWkIHrQmVD66clufU4EceDT9PlVQApb-SBK0m40OUaCKN1ff6nmUFGHcOg&tn=%2CO%2CP-R