Coronavirus Lokali

Bid-deċiżjonijiet li ttieħdu, intefqu miljuni ta’ ewro għalxejn – MEA

Bil-mod kif fis-Sajf li għadda l-Gvern fetaħ is-settur turistiku kif għamel, intefqu miljuni ta’ ewro għalxejn. Għax minkejja l-għajnuniet li ngħataw fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel, bil-mod kif infetaħ l-Ajruport, l-ammont ta’ każi attivi reġa’ tela’ ‘l fuq u l-irkupru ma sar qatt.

Hekk iddikjara d-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) Joe Farrugia meta kien qed jagħlaq konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-riżultat ta’ stħarriġ fost in-negozjanti fi żmien il-pandemija u l-effetti tiegħu wara.

L-istħarriġ ikkonferma t-tħassib li ħareġ f’eżerċizzji simili li saru fil-ġimgħat li għaddew, fost l-oħrajn dwar kif 45% tan-negozjanti qed jaraw li se jkollhom bżonn sena jew aktar biex jikrupraw għal-livelli li kienu fih qabel.

L-istħarriġ wera wkoll kif matul l-2020, aktar minn 75% raw tnaqqis fin-negozju tagħhom meta qabblu l-2019 mal-2020. Barra minhekk, 14% tal-kumpaniji keċċew xi impjegati, bi 53% minnhom baqgħu ma daħlu lil ħadd fl-istess pożizzjoni.

Iżda minkejja l-isfidi kbar li n-negozji ffaċċjaw f’dawn ix-xhur, 23% qalu li ma kkwalfikawx għall-għajnuna mogħtija mill-Gvern.

Fid-dawl ta’ dan it-tħassib kollu, l-MEA ippreżentat ukoll diversi proposti, fosthom li min jagħżel minn rajh li ma jieħux it-tilqim, m’għandux jingħata leave tal-kwarantina. Min-naħa l-oħra, l-MEA appellat lill-Gvern biex jiddiskuti mal-istakeholders kollha possibbli xi pjan ta’ ristrutturar ekonomiku għandu ppjanat għas-snin li ġejjin.