Lokali Qorti

Carer jinżamm arrestat fuq allegat atti ndeċenti fil-konfront ta’ tfajla

Carer ta’ 32 sena mill-Indja ġie mixli li wettaq atti indiċenti fuq tfajla ta’ 20 sena fl-isptar Mater Dei. Arun Jose li wieġeb mhux ħati nżamm taħt arrest wara li t-talba tiegħu għal libertà proviżorja ġiet miċħuda mill-Maġistrat Neville Camilleri.

Il-każ allegatament seħħ nhar it-Tnejn li għadda fis-sala ta’ fejn kienet qed tiġi rikovertata t-tfajla u li llum ħarġet mill-isptar. L-Avukat Martin Fenech li deher għal Jose talab lill-Qorti biex huwa jingħata l-pleġġ peress li għad mhux ippruvat li huwa ħati, li għandu rabtiet sew ma’ Malta, peress li għandu familja u kondotta nadifa.

L-Ispettur Jonathan Ransley li resssaq lill-Indjan oppona t-talba tad-difiża minħabba l-fatt li r-reat huwa wieħed serju fejn carer suppost jieħu ħsieb u jipproteġi pazjent u mhux jagħmel atti bħal dawn.

Tenna wkoll li huwa vera li l-akkużat għandu familja, iżda xejn ma jimpedih li huwa jitlaq minn Malta. Il-Qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja.