Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Tobba u professjonisti jappellaw għal aktar miżuri restrittivi

Il-Gvern għandu bżonn idaħħal malajr aktar miżuri restrittivi sabiex tiġi miġġielda l-firxa tal-Covid-19 f’pajjiżna. Jekk ma nagħmlux sagrifiċċji issa, se ndumu inbatu ħafna aktar. Hekk qalet fi stqarrija l-MAPHM – l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta lill-professjonisti li jaħdmu fil-publice health medicine f’pajjiżna.

Dawn it-tobba u esperti tas-saħħa pubblika qed jinnotaw ċertu eżitazzjoni mill-awtoritajiet, meta issa hemm bżonn akbar ta’ restrizzjonijiet minħabba l-varjanti l-ġodda tal-Covid.

Fost l-oħrajn, it-tobba tas-saħħa pubblika qed jipproponu li:

  • l-Gvern jaqleb kemm jista’ jkun għal teleworking
  • jieqfu l-attivitajiet kollha mhux essenzjali
  • jiżdied l-infurzar, u jiżdiedu l-multi għal min jabbuża

“Jekk ma nieħdux dawn il-miżuri issa, qed nirriskjaw li jkollna ħafna aktar imwiet”, tgħid l-MAPHM fl-istqarrija tagħha.