Lokali

Ġorġ tal-Mużew jingħata l-Aħħar Tislima

Bħal Ġorġ irridu naraw li t-talenti li Alla jagħtina, nużawhom biex inferrħu u ngħinu lil min ikun fil-bżonn.

Dan kien il-messaġġ tal-Arċipriet, il-Kanonku Karm Busuttil matul l-Omelija, hekk kif fil-Knisja Kolleġġjata tal-Birgu, iddedikata lil San Lawrenz, ingħatat l-Aħħar Tislima lil Ġorġ Agius, magħruf aħjar bħala Ġorġ tal-Mużew.

Hu miet it-Tnejn filgħaxija, fl-età ta’ 94 sena, bil-Quddiesa tmexxiet mill-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna.

Dun Karm qal li mhux ta’ b’xejn li l-poplu Malti u Għawdxi ta t-titlu ta’ “L-Għannej tal-Mulej” lil Ġorġ għax, minkejja l-għejja fiżika tal-aħħar snin, xorta kien iżur lill-marid u lill-batut biex b’għanja ħelwa jwassal messaġġ ta’ tama.

Ġorġ tal-Mużew obda lil Ġesù meta qallu “kont marid u ġejt iżżurni”. U sal-aħħar jiem ta’ ħajtu – fir-Residenza San Vinċenz de Paule – baqa’ jara li jitfa’ tbissima fuq wiċċ l-anzjani u anke l-ħaddiema.

Preżenti għaċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Ġorġ Agius kien hemm diversi rappreżentanti miż-żewġ naħat tal-Kamra, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Preżenti wkoll is-Sindku, Kunsillieri Lokali u rappreżentanti tal-għaqdiet lokali.