Futbol Sport

Gowl ta’ Fontanella jpoġġi lil Valletta mal-aħħar tmienja

(Ritratt: MFA/ Stephen Gatt)

SENGLEA ……………….. 0

VALLETTA ………………….. 1

Senglea A: M. Farrugia, S. Uyi, Z. Cassar, A. Abela, F. Gnindokponou (D. Abela 58’), S. Buhagiar, D. Fava, A. Scicluna, J. Dibola, D. Kukic (J. Tanti 58’), D. Xuereb.

Valletta: H. Bonello, R. Camilleri, T. Caruana, S. Malano, M. Piciollo, S. Dimech (R. Tonna 92’), E. Pena Beltre, E. Sala, L. Aguirre, I. Maric, M. Fontanella.

Referee: Daniel Portelli

Gowl skorjat minn Fontanella wara żball fid-difiża ta’ Senglea fl-ewwel taqsima kien biżżejjed biex Valletta jgħaddu għall-kwartifinali tal-FA Trophy. Dan kien it-tieni konfront bejn iż-żewġ nahat fi spazju ta’ erbat ijiem, u minkejja li l-logħba ftit offriet emozzjonijiet, xorta waħda Valletta kien jimmerithom din il-kwalifikazzjoni.Valletta bdew tajjeb din il-logħba fejn bdew isibu ħafna lil xulxin b’azzjonijiet veloċi. Huma resqu qrib wara tmien minuti permezz ta’ Shaun Dimech iżda Farrugia kien attent u salva.

Wara dan il-bidu tajjeb kienu Senglea li bdew jieħdi l-kunfidenza u l-logħba bdiet issir iktar bilanċjata.Fit-23 minuta Gnindokponou minn qagħda angolata mpenja lil Bonello li dawwar f’korner u mill-istess korner Uyi bir-ras ra l-ballun imur ftit barra. Fit 32 minuta Valletta marru minn fuq meta Uyi ta daqqa ta’ ras lura li ġabet waħdu lil Fontanella li avvanza u għeleb lil Farrugia b’xutt fil-baxx.Kif bdiet it-tieni taqsima azzjoni personali ta’ Fontanella u xutt ftit għoli. Fit-62 minuta azzjoni ta’ Senglea b’xutt ta’ Dibola ftit għoli. Fit-68 minuta azzjoni sabiħa Beltija bil-kross ta’ Pena Beltre jasal għand Piciollo li kien imċaħħad minn save brillanti ta’ Farrugia.

Erba’ minuti wara azzjoni oħra tajba ta’ Valletta u xutt bid-dawra ta’ Fontanella jmur ftit għoli. Fl-aħħar battutti kienu Valletta li ppruvaw jamministraw il-vantaġġ minimu iżda prezzjuż fejn Senglea minkejja l-isforzi qatt ma kienu perikolużi.