Basketball Sport

Gżira Athleta jaċċertaw minn post fil-play-offs

Colin Schembri

Gżira Athleta 89

Bupa Luxol 73

(14-24)(30-21)(23-20)(22-8)

Gżira Athleta:  D. Labossiere 19, D. Parmer 7, F. Mifsud Bonnici 20, L. Stefanovic, S. Galea, N. Xuereb 16, M. Gouder 20, I. Xuereb, D. Causwell 7, N. Bukva.

Bupa Luxol: J. Cefai, K. Gauchi, P. Engelbert, N. Buhagiar, E. Caruana Montaldo, JP Schembri 8, L. Trapani, K. Elder 31, A. Arrington 25, S. Cappello 9.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Daniela Torok

Gżira Athleta wkoll ħadu post fil-play-offs meta kisbu l-ħames rebħa tal-kampjonat kontra Bupa Luxol 89-73. Minkejja distakk finali ta’ 16 -il punt, il-partita kienet bilanċjata għal ħin twil u kienet biss run fl-aħħar taqsima li fetħet vantaġġ sostanzjali favur Athleta li baqgħu sejrin biex ħadu r-rebħa. Luxol kellhom l-aqwa bidu tal-partita fejn għamlu run ta’ 11-2 wara li bdew il-partita bi trippla ta’ Jean Paul Schembri u komplew bil-punti ta’ Kyree Elder, Stefan Cappello u Arsenio Arrington. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Dylan Causwell u l-punti ta’ Francesco Mifsud Bonnici u Nathan Xuereb però Luxol kabbru l-vantaġġ għal 11 -il punt wara trippla ta’ Cappello. Trippla fuq kull naħa minn Matthew Gouder u Elder għalqet l-ewwel taqsima b’vantaġġ ta’ 10 punti għal Luxol 24-14. Luxol komplew bl-ewwel ħames punti tat-tieni perjodu biex żiedu l-vantaġġ għal 15 -il punt 29-19. Hawn waslet l-ewwel reazzjoni minn Athleta bid-dħul tal-Amerikan David Labossiere fejn għamlu run ta’ 12-2 biex naqqsu d-distakk għal 5 punti. Huma komplew bit-trippli ta’ Gouder u u l-punti ta’ Labossiere u Mifsud Bonnici u waslu sa’ punt ‘l bogħod, liema distakk inżamm sal-intervall bil-Luxol fuq quddiem 45-44.

Fit-tielet sessjoni, Athleta rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ bil-punti ta’ Mifsud Bonnici qabel ma trippla ta’ Elder reġgħat poġġiet lil Luxol minn fuq. Għal darbtejn, Luxol żammew vantaġġ minimu però trippla ta’ Dedrain Parmer flimkien ma’ Xuereb u Causwell raw lill-Athleta jispiċċaw it-tielet sessjoni fuq quddiem 67-65. Fl-aħħar perjodu, Luxol żammew il-pass minkejja trippla ta’ Mifsud Bonnici u kienu għadhom 4 minn taħt 70-74. Hawn Athleta kellhom run ta’ 13-0 li bdiet bi trippla ta’ Xuereb li kellhu aktar punti flimkien ma’ Gouder u Mifsud Bonnici u kienet biżżejjed biex jikkontrollaw l-aħħar sforzi ta’ Luxol u joħorġu rebbieħa 89-73.

Starlites GIG 87

Hibernians 86

(13-12)(29-26)(21-23)(24-25)

Starlites Gig: A. Felice Pace 16, J. Zammit 4, M. Scerri 3, R. Carabott 2, B. Jefferson 30, T. McConico 23, M. Palmier, R. Ahearn 9.

Hibs: P. Attard, D. Bugeja 21, L. Farrugia 4, K. Dimech 3, N. Vasovic 11, A. Axiaq 6, I. Demcesen 8, M. Vires 29, L. Tardito 5.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Malek Hraisha

Basket ta’ Bryon Jefferson fl-aħħar tlett sekondi ta r-rebħa lil Starlites GIG kontra Hibernians fi tmiem ta’ partita kumbattuta li rathom iżommhu l-imbattibilita tagħhom. Fl-ewwel round basket biss kien fired liż-żewġ timijiet fi tmiem il-partita (82-80) u fit-tieni darba id-distakk niżel għal punt. Starlites għadhom mingħajr Ian Felice Pace fil-waqt li Hibs kienu mingħajr Marco Matijevic u Matthew Attard. Kienu Hibs li għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita minn David Bugeja, Nikola Vasovic u l-Amerikan Mason Vires. Starlites ġew lura u wieġbu bi 8 punti konsekuttivi minn Alec Felice Pace u Travis McConico. Hibs reġgħu marru minn fuq iżda basket u trippla ta’ Robert Ahearn raw lil Starlites itemmu l-ewwel taqsima 13-12 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites bdew bil-mod jibnu vantaġġ żgħir b’Jefferson jidħol aktar fix-xena wara taqsima kwieta. Għall-Pawlisti kien hemm risposta minn Vires flimkien ma’ Luke Farrugia però punti ta’ Felice Pace u McConoco raw lil Starlites jiftħu vantaġġ ta’ 9 punti 31-22. Hibs kellhom risposta minn Ivan Demcesen u Bugeja qabel ma Starlites għamlu break qasir ta’ 7-0 bi trippla ta’ Felice Pace u marru 12 minn fuq. Dan il-vantaġġ però niżel għal 4 hekk kif qabel l-intervall, Hibs kellhom 8 punti mingħajr risposta għal skor ta’ 42-38.

Il-ftuħ tat-tielet taqsima kien missielet biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin. Punti ta’ Vires, Anton Axiaq u trippa ta’ Nikola Vasovic raw lil Hibs jaslu sa’ basket ‘l bogħod. Starlites irkupraw bi break ta’ 9-3 u reġgħu marru 8 minn fuq però għal darb’oħra Hibs kisbu punti konsekuttivi qabel tmiem is-sessjoni għal skor ta’ 63-61.

Fl-aħħar taqsima, Hibs marru fuq quddiem bil-baskets ta’ Bugeja iżda ma tantx damu hekk kif Starlites kellhom tripppla minn Matthew Scerri u baskets ta’ Jack Zammit u  Jefferson. Il-partita baqgħet missielta u l-ebda team ma rnexxielhu jiftaħ vantaġġ sostanzjali. Fl-aħħar ħinijiet ġara minn kollox hekk kif Starlites marru 4 minn fuq wara punti minn McConico u Felice Pace. Hibs però ma ċedewx u trippla u żewġ free-throws ta’ Vires tawhom il-vantaġġ fl-aħħar tlett sekondi. Paul Ferrante għajat l-aħħar time-out, il-ballun ta’ Scerri wasal għand Jefferson li dar u xxutja u l-ballun daħal fil-basket eżatt mal-ħorn finali biex Starlites ħadu rebħa drammatika 87-86.

Depiro 72

Mellieħa Libertas 54

(20-18)(8-12)(21-9)(23-15)

Depiro: TJ Atwood 24, C. Thomas 6, A. Chomo 8, A. Attard 2, N. Grech 3, D. Farrugia 6, K. Caruana 11, M. Brincat 10, M. Mallia 2, M. Debattista, L. Vella.

Mellieħa: A. Schembri, M. Falzon 2, V. Jandric 7, M. Fabri, I. Bonett 17, M. G. Montaldo, K. Skrabec, J. Brooks 6, M. Azzopardi 8, P. Shoults 14.

Referees: Bernard Vassallo, Vladimir Nikolic, Kamil Dworniczak

Depiro kisbu rebħa mportanti kontra Mellieħa Libertas f’konfront dirett għal post fil-play-offs biex issa Mellieħa huma barra mill-ġlieda għal post mal-ewwel erbgħa. Ir-rebħa mmaturat wara l-intervall fejn Mellieħa kienu basket minn fuq però sofrew run kontrijhom li rat lil Depiro jieħdu vantaġġ tajjeb. Mellieħa kellhom lura lil Vukassin Jandric u Peter Shoults u Depiro rkupraw lil Daniel Farrugia. Mellieħa fetħu bil-punti ta’ Shoults fosthom trippla li rathom imorru fuq quddiem u wara risposta ta’ Depiro minn TJ Atwood u Andy Attard, trippla ta’ Isaac Bonett għamlet l-iskor 8-6 favurhom. Depiro kellhom mument tajjeb bit-trippli minn Nicholas Grech u Miguel Brincat biex marru 5 minn fuq 16-11 qabel ma Jandric wieġeb bi trippla għal Mellieħa flimkien mal-Amerikan Julius Brooks. Basket fl-aħħar attakk minn Adam Chomo poġġa lil Depiro fuq quddiem 20-18 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Fit-tieni sessjoni l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat. Depiro bdew bl-ewwel sitta minn Atwood, Farrugia u Kieron Caruana. Hawn Mellieħa wieġbu b’run ta’ 12-0 bil-punti minn Mirko Azzopardi, Jandric u Brooks biex marru minn fuq 30-26 qabel ma Atwood għamel l-aħħar basket għal Depiro għal skor ta’ 28-30.

Wara l-intervall kien hemm bidu mill-aqwa għal Depiro li għamlu run ta’ 14-2 b’żewġ trippli ta’ Caruana flimkien mal-punti ta’ Atwood u Cliff Thomas biex marru 10 minn fuq 42-32. Mellieħa kellhom risposta minn Shoults però Depiro kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Miguel Brincat flimkien ma’ Farrugia u Atwood għal skor ta’ 49-39. Fl-aħħar sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa b’Isaac Bonett ikollhu trippla għal Mellieħa. Depiro għamlu run oħra ta’ 9-0 bi trippla ta’ Caruana biex fetħu vantaġġ ta’ 18 -il punt 66-48. Azzopardi kiseb l-aħħar punti ta’ Mellieħa però l-vantaġġ ta’ Depiro baqa’ komdu u huma kkontrollaw sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 72-54.

Aħbarijiet oħra

Mill-Bank of Valletta knock-out tat-tieni diviżjoni, se jkunu Hibernians u Fusion li se jikkontestaw il-finali li se tintlagħab il-Ħadd 11 t’April. Dan wara li fis-semifinali għelbu lil Depiro u Mellieħa rispettivament. Hibs għelbu lil Depiro 91-56 u Fusion għelbu lil Mellieħa 86-79. Starlites Mazars huma r-rebbieħa tal-kampjonat St. James Hospital ta’ taħt is-sittax -il sena tal-irġiel. Huma kienu rebħu l-ewwel finali 53-49 iżda sofrew ir-rimonta ta’ Gżira Athleta fit-tieni finali fejn Athleta ħarġu rebbieħa 75-53. B’hekk kien hemm bżonn it-tielet finali li saret ġurnata wara u hawn Starlites taħt it-tmexxija tal-coach Sandro Farrugia ħarġu rebbieħa 61-45 biex rebħu l-kampjonat. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Starlites Mazars Isaac Azzopardi