Lokali Parlament

Identifikati n-nies li attendew għal-laqgħat tal-PL qabel l-elezzjoni tal-2013 dwar l-enerġija

Fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) llum komplew ikunu identifikati u konfermati n-nies li attendew għal-laqgħat tal-PL fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dwar ir-roadmap tal-PL dwar l-enerġija; liema persuni iktar tard spiċċaw f’postijiet importanti fil-proċess tal-għażla tal-power station tal-Electrogas.

Il-PAC llum kompla jiddiskuti l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas f’laqgħa li fiha pparteċaw id-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus għall-Oppożizzjoni u l-Ministru Owen Bonnici, il-Whip Glenn Bedingfield, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputat Laburista Ian Castaldoi Pris għall-Gvern.

Ix-xhud tal-lum kien David Galea, ex uffiċjal tal-Enemalta u l-persuna li kien jattendi l-laqgħat tal-PL dwar l-enerġija qabel l-elezzjoni tal-2013 u wara kien maħtur biex imexxi l-proġett tal-power station tal-Electrogas.

Fil-bidu tal-laqgħa, il-President tal-Kumitat Beppe Fenech Adami qal li kien informat li fi Frar 2021 James Barbara, is-sid tal-kumpanija James Caterers, oġġezzjona għall-mod kif l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) qed jinvestiga talba għal investigazzjoni li saret dwar offerta li ngħatat lill-konsorzju tiegħu u qed iżomm lill-Awditur Ġenerali responsabbli jekk il-kumpanija James Caterers issofri danni.

F’ittra ta’ tweġiba l-Awditur Ġenerali nnota li l-kontenut tal-ittra ta’ James Barbara hu offensiv u hu intiża biex jagħmel pressjoni fuq l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. L-Awditur Ġenerali qed jinsisti li l-allegazzjonijiet serji li għamel James Caterers ikunu irtirati.

James Caterers bagħtu ittra oħra li fiha sostnew li l-invetsigazjzonijiet tal-Awditur Ġenerali se jħammġu r-reputazzjoni tal-kumpanija.

Iċ-Chairman tal-PAC Beppe Fenech qal li l-Kumitat jirrikonoxxi l-ħidma tajba li jagħmel l-NAO u sostna li l-Kumitat ma jaċċettax li ssir xi forma ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-NAO. Kopja ta’ din il-korrispondenza intbgħatet ukoll lill-Ispeaker, li għandu jara jekk din l-ittra tikkonstitwixxix ksur ta’ privileġġ u jekk meħtieġ jittieħdu l-passi meħtieġa.

Fil-bidu tax-xhieda tiegħu dwar il-power station David Galea, il-persuna responsabbli mill-proġett tal-Electrogas, qal li xtaq jagħmel dikjarazzjoni li fiha sostna li hu diżappuntat għall-mod kif qed ikun trattat u attakki aggressivi u personali inkluż tisbit fuq il-mejda mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquiliana intervjena u li hu ma jittollerax min ikun strument u parteċipi fil-korruzzjoni. David Galea qal li hu mhux strument u qatt ma kien parteċipi fil-korruzzjoni.

David Galea kien mistoqsi għaliex il-kumpanija tiegħu Beat Ltd għandha uffiċċju f’Dubaj iżda d-deputati Laburisti oġġezzjonaw għal din il-mistoqsija. Hu wieġeb li hu għandu konnessjoni u s-sieħeb tiegħu fin-negozju kien Philip Tabone.

David Galea qal li viċin dan l-uffiċċju f’Dubaj hemm il-Golden Mile u hemm ukoll Noor Bank, li kellhom konnessjoni mal-Electrogas. Hu qal li hu m’għandux konnessjoni ma’ Noor Bank u sostna li sar jaf mill-gazzetti li Noor Bank għandu x’jaqsam ma’ 17 Black.

Ix-xhud qal li jaf mill-gazzetti wkoll li 17 Black hi ta’ Yorgen Fenech. Muri kopja ta’ ċekk ta’ €5 miljuni pagabbli lil Yorgen Fenech, ix-xhud qal li sa fejn jaf hu ma kellux x’jaqsam ma’ Noor Bank. Hu kien muri wkoll kopja ta’ ċekk ieħor pagabbli lil Yorgen Fenech u qal li qatt ma kellu x’jaqsam mal-pagamenti.

David Galea kompla li hu għandu 45 sena u kien jattendi l-Kulleġġ De La Salle fejn kien hemm Konrad Mizzi. Mistoqsi dwar Thomas Leonard, hu qal li ma jafx lil Thomas Leonard fil-Kulleġġ De La Salle u xehed li kien iltaqa’ darbtejn ma’ Konrad Mizzi qabel l-elezzjoni tal-2013.

David Galea qal li kien ipprepara dokumenti ta’ analiżi finanzjarja għall-PL iżda llum m’għandux kopja tagħhom. Dwar filmat imxandar fl-2013 fuq il-One TV fejn deher Thomas Leonard, ix-xhud ikkonferma li dan kien l-istess persuna li kien attenda laqgħa tal-PL dwar l-enerġija qabel l-elezzjoni tal-2013. Ix-xhud kompla li Louis Grech u Joseph Muscat ma kienux preżenti għal xi laqgħa miegħu dwar l-enerġija.

Il-kumitat aġġorna għal data oħra.