Lokali Saħħa

Il-Gvern jirriffjuta talba tal-Oppożizzjoni għal dibattitu dwar il-vaċċin

Fl-istess waqt li l-Prim Ministru Robert Abela qed jippretendi li l-Partit Nazzjonalista jagħtih proposti għat-trażżin tal-pandemija, qed jirriffjuta li jiddiskuti miegħu il-problemi fir-roll out tal-vaċċin.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar is-Saħħa Stephen Spiteri talab għal diskussjoni dwar l-isfidi li qed ikun hemm fil-proċess tal-vaċċinazzjoni , madankollu l-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa ċaħad din it-talba.

Id-deputat Laburista Silvio Grixti irrifjuta t-talba tad-Deputat Nazzjonalista bl-iskuża li dan kien diġà diskuss aktar kmieni.

Stephen Spiteri qal li din id-deċiżjoni hija ddiżappuntanti. Huwa qal li kinet saret diskussjoni fil-passat madakonllu din kienet biss dwar il-protokolli. Issa kienet qed tintalab diskussjoni biex jiġu identifikati problemi u biex jinstabu modi kif ikunu indirizzati.

Id-Deputat Nazzjonalista  saħaq li ried ukoll li jkunu diskussi vaċċini oħra fosthom dik ta’ Johnson & Johnson, li mistennija tkun approvata mir-regolaturi tal-Unjoni Ewropea.