Lokali

Il-Gvern qed iħabbat wiċċu mal-mewġa tal-Varjant

Pajjiżna għaddej mill-mewġa tal-varjant, u mhux qed jiġi eskluż li jiżdiedu r-restrizzjonijiet. Sostna dan il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela meta Net News staqsieh jekk it-tilqima hux qed isservi bħala l-uniku ‘salva uomo’ tal-Gvern Laburista għall-poplu Malti u Għawdxi fid-dawl ta’ rekord wara l-ieħor ta’ każi – b’1,694 każ fl-aħħar sebat ijiem

 “…Il-mewġa li għaddew minnha pajjiżi oħrajn minħabba l-varjant issa laqtgħet  lil pajjiżna f’dawn l-aħħar ġranet, dak jista jkun il-każ ukoll…u allura.. filwaqt li wieħed jgħid li dak li huwa diġà fis-seħħ għandna nosservawh il-Gvern qatt ma jista’ jeskludi li kif fil-fatt intqal fil-Parlament li nieħdu miżuri ġodda jekk naraw li l-miżuri eżistenti  m’humiex biżżejjed”

L-ammissjoni tal-Gvern ta’ Abela li pajjiżna jinsab fit-tielet mewġa tal-pandemija, kawża wkoll tal-varjant tar-Renju Unit, indubjament teħodna lura għad-diskors tal-eks Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, fejn meta l-Erbgħa kienet mistoqsija jekk taħsibx li l-mekkaniżmi tagħha ħadmu – dik li hija illum l-Ministru għall-Inklużjoni, ħarbet milli twieġeb u farfrita fuq l-istituzzjonijiet.

Intant l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika appellat lill-Gvern sabiex għal żmien qasir l-attivitajiet extra kurrikulari li mhux meqjusa indispensabbli għandhom jitwaqqfu għal żmien qasir filwaqt li insistiet rigward it-teleworking fejn saħqet li l-Gvern għandu jimxi b’eżempju.

Dan kollu jmur kontra dak kollu li stqarr lill-poplu Malti u Għawdxi Robert Abela fl-ewwel jiem tas-sena fejn skont hu dejjem kien konsistenti f’diskorsu tul din il-pandemija – b’diskors li xeħet liċ-ċittadini minn attenzjoni tal-ewwel xhur tal-firxa, għal rilassament tul is-sajf. Diskors mżewwaq bil-mewġ fil-baħar, ġiri, ġenna u normalità.