Internazzjonali

Il-gwerra fis-Sirja: Għadhom neqsin l-għexieren tal-eluf ta’ priġunieri

L-investigaturi tan-Nazzjonijiet Uniti – wara evalwazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni – qalu li għexieren ta’ eluf ta’ ċivili għadhom neqsin wara li spiċċaw vittmi ta’ arrest arbitrarju waqt l-għaxar snin ta’ gwerra ċivili fis-Sirja.

Sadanittant – u skont ir-rapport ġdid – eluf oħra spiċċaw ittorturati jew maqtula waqt li kienu taħt arrest fis-Sirja.

Ir-rapport, li jiddettalja allegati reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità ‘mill-partijiet kollha involuti fil-konflitt tas-Sirja’, jirreferi fuq kollox għat-‘tbatija inkredibbli tal-vittmi’.

Dan meta l-vittmi jinkludu numru sinifikanti ta’ bniet u subien ta’ mhux aktar minn 11-il sena li spiċċaw vittmi ta’ stupru u forom oħra ta’ abbuż.

Ir-rapport isostni li l-kwistjoni tinvolvi ‘trawma nazzjonali’ li għandha tkun indirizzata.

Is-Sirja għadha tbati l-effetti ta’ konflitt li żbroffa f’Marzu tal-2011 meta l-Gvern tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, kien bagħat il-qawwiet tiegħu biex irażżnu dimostrazzjonijiet paċifiċi (ta’ kontra l-Gvern) fil-belt ta’ Deraa – u liema protesti, imbagħad infirxu madwar il-pajjiż.

Il-ġlied sussegwenti ħalla mill-anqas 380,000 mejtin u ġiegħel nofs il-popolazzjoni Sirjana tgħix il-ħajja ta’ refuġjati wara li n-nies kienu kostretti li jitilqu minn djarhom. Fil-fatt, hu kalkulat li madwar sitt miljun refuġjati Sirjani qed ikollhom jgħixu barra pajjiżhom b’riżultat tal-konflitt.

Ir-rapport mill-Kummissjoni Indipendenti (Internazzjonali) għal Inkjesta dwar is-Sirja ibbaża fuq aktar minn 2,650 intervista u investigazzjoni relatati ma’ ‘il fuq minn 100 faċilità ta’ detenzjoni fis-Sirja.

Il-Kummissjoni taqa’ taħt l-awspiċi tal-Kunsill tad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rapport tagħha qed jiddokumenta l-abbużi ta’ kważi kull entità u grupp b’sehem fil-gwerra Sirjana….Entitajiet u gruppi li ma żammewx lura minn ‘azzjonijiet intiżi biex jintimidaw u jpattuha lill-avversarji tagħhom’.

Paulo Pinheiro, li qed imexxi l-Kummissjoni, qal li l-qawwiet tal-Gvern ta’ Assad arrestaw, arbitrarjament, lill-avversarji politiċi, flimkien ma’ ġurnalisti, attivisti favur id-drittijiet umani u dimostranti f’aġir li għandu jitqies bħala ‘l-għeruq u l-ixprun tal-konflitt’.

Intant, ir-rapport jikkundanna anki lil diversi gruppi armati madwar is-Sirja, flimkien ma’ entitajiet terroristiċi bħall-Hayat Tahrir al-Sham u l-ISIS li huma mixlija dwar reati terribbli kontra n-nies ‘u kontra d-dinjità tal-bniedem’.