Lokali Qorti

Il-każ tal-erba’ rġiel akkużati b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia u l-Avukat Chircop għal quddiem il-Maġistrat Lia

Ix-xorti messet lill-Maġistrat Nadine Lia biex tisma’ l-provi fil-kumpilazzjoni ta’ erba’ akkużati li bħal lum ġimgħa tressqu l-Qorti b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.

Il-polza messet lill-Maġistrat Lia wara li l-Maġistrat Marse-Anne Farrugia iddeċidiet li tastjeni milli tisma l-każ minħabba li disa’ mill-akkużi kontra l-erba rġiel involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Gailzia u l-Avukat Chircop jiffurmaw parti mill-inkjesta mmexxija minnha.

Adrian Adrian Agius u ħuh Roberto Aguis magħruf bħala Ta’ Maksar ġie mixli li kkummissjona l-qtil tal-Avukat Chircop f’Birkirkara. Jamie Vella u George Degiorgio, magħruf bħala “Iċ-Ċiniż” ġew akkużati bl-eżekuzzjoni tal-qtil li ġara f’kumpless ta’ garaxxijiet fit-8 ta’ Ottubru 2015.

Robert Agius u Jamie Vella huma akkużati b’assoċjazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia billi pprovdew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista f’Ottubru 2017. Minħabba t-terminu skont il-liġi, l-kumpilazzjoni trid tibda sa nofs il-ġimgħa d-dieħla.

L-erba’ rġiel tressqu fuq informazzjoni li pprovda Vince Muscat ta’ 58 sena, magħruf bħala “Il-Koħħu” li ġie kundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Cauana Galizia.

Hekk kif huwa ammetta r-reati kollha konnessi ma’ dan il-każ huwa ma ngħatax il-piena massima, dik ta’ għomor il-ħabs. Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kriminali qalet li kien hemm tnaqqis fil-piena peress li Muscat għen lill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-informazzjoni li ta kienet utli biex dan il-każ jissolva fejn ġew arrestati erba’ persuni oħra inkonnessjoni mal-każ.  

Is-sentenza ingħatat wara li f’termini legali sar patteġġament (ftehim) fuq il-piena. Dan peress li Muscat ta’ nformazzjoni wkoll utli mhhx biss fuq dan l-omiċidju iżda wkoll biex jissolva l-każ tal-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel fl-2015.

Għall-aħwa Agius u Vella qegħdin jidhru l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin filwaqt li għal Degiorgio qed jidher l-Avukat William Cuschieri.