Lokali

Il-Ministru gidbet lill-Parlament dwar it-Think Tank dwar l-Edukazzjoni – PN

Il-Ministru għall-Edukazzjoni gidbet lill-Parlament meta qalet, iswed fuq l-abjad, li Think Tank dwar l-edukazzjoni fid-dawl tal-Covid-19, imwaqqaf b’tant pompa f’Mejju tas-sena li għaddiet, ma kellux terminu ta’ żmien biex ilesti x-xogħol mitlub minnu.

Dan seħħ fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tal-Oppożizzjoni, li talbet biex jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra l-proposti dwar il-futur tal-Edukazzjoni, fid-dawl tal-Covid-19, li dan il-Kumitat kellu jlesti sal-14 ta’ Settembru 2020.

Il-Ministru, fit-tweġiba tagħha, ikkonfermat li t-Think Tank imwaqqaf f’Mejju 2020 lanqas biss kien iltaqa’ sa ma suppost tlesta r-rapport f’Settembru. Fil-fatt, il-Ministru qalet li t-Think Tank iltaqa’ biss erba’ darbiet f’Diċembru.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista qal li llum, fl-eqqel tal-pandemija u kważi sitt xhur wara li skada t-terminu tat-Think Tank, is-settur edukattiv, l-edukaturi, il-ġenituri u l-istudenti għadhom ma raw l-ebda rapport u l-ebda proposta tanġibbli ta’ kif se mmexxu s-settur ‘il quddiem.