Lokali

Joseph Muscat kiser il-kodiċi tal-etika meta żamm lill-ġurnalisti msakkra f’Kastilja

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kiser il-kodiċi tal-etika meta f’Novembru tal-2019 żamm lill-ġurnalisti msakkar f’Kastilja wara konferenza tal-aħabarijiet li ta fit-3.00am.

Dan ħareġ minn rapport li ġie illijkjat fil-media lokali wara li Deputati tal-Gvern fuq il-Kumitat għall-Istandards Pubbliċi ivvutaw kontra l-pubblikazzjoni tal-istess rapport.

Il-Kumissarju għall-Istandards Pubbliċi George Hyzler f’rapport ta’ 44 paġna li jinkludi fih id-dokumentazzjoni u l-evidenza kollha marbuta ma’ dak li ġara nhar id-29 ta’ Novembru tal-2019, minbarra li jikkundanna l-aġir ta’ Muscat bħala inaċċettabbli u kontra kull etika.

Ir-rapport jgħid li l-preżenza ta’ persuni marbuta mal-Partit Laburista dakinhar u kull darba li jkun hemm inkwiet politiku ifakkar fil-passat u seta’ wassal għal aktar inkwiet politiku, u ddeskriva s-sitwazzjoni bħala skorretta u abbużiva.

Hyzler imur lil hinn minn hekk u jgħid li dwar il-mistoqsija jekk Joseph Muscat jistax jinżamm responsabbli għal dan l-aġir anke issa li m’għadux Membru Parlamentari, huwa fittex il-parir tal-Avukat Henri Mizzi li kkonfermalu li persuna li kienet tokkupa kariga ta’ fiduċja tibqa’ soġġetta għall-investigazzjoni kontriha dwar każijiet li jkunu seħħew waqt li kienet f’dik il-kariga.

B’hekk il-kundanna ta’ George Hyzler għandha twassal għal azzjoni fil-konfront ta’ Joseph Muscat, minkejja li huwa m’għadux membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Intant, il-Kummissarju għall-Istandards irrakkomanda li r-rapport sħiħ ikun ippubblikat u li kopja tiegħu tingħata liż-żewġ ħartijiet.

Madankollu d-deputati tal-Gvern fuq il-Kumitat ivvutaw kontra dan u l-ispeaker tal-Kamra xeħet il-vot tiegħu mad-deputati tal-Gvern biex b’hekk it-talba tad-deputati tal-Oppożizzjoni biex ir-rapport ikun ippubblikat ma ntlaqgħetx.