Għawdex Lokali

Konferma oħra li l-Gvern Laburista mhux jinforma lin-nies dwar il-mina bejn Malta u Għawdex – PN

Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex li saret it-Tnejn 1 ta’ Marzu, numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li attendew taw preżentazzjoni dwar l-aċċessibilta’ ta’ Għawdex. Huma esprimew il-fehma tagħhom dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u kkonfermaw dak li ilu żmien jgħid il-Partit Nazzjonalista, li l-Gvern Laburista mhux qed jinforma lin-nies dwar dan il-proġett importanti.

Dawn l-għaqdiet qajmu numru ta’ mistoqsijiet pertinenti li sal-ġurnata tal-lum, il-Gvern għadu mhux qed jagħti spjegazzjonijiet dwarhom. Dawn l-għaqdiet saħansitra anke’ waslu biex akkużaw lil Infrastructure Malta,
l-entita’ tal-Gvern responsabbli mill-proġett tal-mina li qed tigdeb f’dak li qed tgħid dwar l-istess mina.

Fi stqarrija, id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li d-diskussjoni li saret fi ħdan il-Kumitat Parlamentari msemmi wriet ukoll kemm hemm ħtieġa għal aktar djalogu pubbliku dwar Għawdex u kwistjonijiet li jirrigwardawh, bħalma hi dik tal-mina. Il-Partit Nazzjonalista huwa tal-fehma li dak li jsejjaħ lilu nnifsu Gvern li jisma’ għandu jipprova dan bil-fatti u mhux bil-paroli biss bħalma qed jagħmel dwar il-mina.

In-nies u partikolarment l-Għawdxin jistħoqqilhom li jkunu infurmati u li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom u dan isir bil-mod li bih jaħdem il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li jisma’ u jitkellem man-nies u jfassal il-politika skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Żgur li biex ikun hemm djalogu pubbliku san u effettiv, m’għandux jerġa’ jiġri li għodda importanti għal Għawdex bħalma hu l-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex jinżamm għal xhur sħaħ mill-Gvern milli jiltaqa’. Sfortunatament dan kien dak li għamel il-Gvern għal dawn l-aħħar ħames xhur u dan bla ma ta ebda raġuni valida. Dan l-atteġjament tal-Gvern ma jaqbel xejn ma’ dak li stqarr il-Prim Ministru Robert Abela riċentement, li f’Malta l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.