Internazzjonali

L-Afganistan: Jinqatlu nisa li kienu jaħdmu ma’ stazzjon televiżiv

Il-grupp terroristiku tal-ISIS qal li l-ġellieda tiegħu qatlu tliet nisa li kienu impjegati ma’ stazzjon tat-televiżjoni f’Jalalabad, fil-punent tal-Afganistan. Il-vittmi tilfu ħajjithom waqt żewġ attakki separati u koordinati huma u sejrin lura d-dar mix-xogħol, b’mara oħra tispiċċa kritikament midruba fil-vjolenza.

Il-qtil qed jidher bħala parti minn kampanja ta’ vjolenza li l-militanti fl-Afganistan qed imexxu kontra l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, il-membri tal-ġudikatura u l-ġurnalisti, fost oħrajn.

Għalkemm il-militanti tat-Taliban huma responsabbli għal ħafna mill-aħħar inċidenti mdemmija fil-pajjiż, l-ISIS ukoll qed jikkonsolida l-preżenza qattiela tiegħu, speċjalment fl-inħawi tal-Afganistan lejn il-Lvant.

It-tliet nisa li nqatlu f’Jalalabad kellhom bejn 18 u 20 sena u kienu għadhom kemm temmew korsijiet rispettivi fi skola għolja. Huma kienu jaħdmu fid-dipartiment tad-dubbing tal-istazzjon Enikas TV ta’ sidien privati.

Jidher li waħda min-nisa spiċċat attakkata waqt li kienet miexja lejn darha – bit-tnejn l-oħra jinqatlu f’inċident separat matul l-istess lejla u meta huma wkoll kienu sejrin lura d-dar wara ‘jum tax-xogħol normali’.