Lokali

L-IĠM jingħata raġun mill-Kummissarju għall-Istandards; jitħalla fl-għama mill-Ispeaker

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin esprima d-diżappunt kbir tiegħu li l-Ispeaker tal-Parlament li hu wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall Standards fil-Ħajja Pubblika, ċaħadlu t-talba biex ikollu kopja tar-rapport li għamel il-Kummissarju għal Standards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler dwar l-inċident li kien seħħ f’Kastilja fid-29 ta’ Novembru 2019. F’dan l-inċident numru ta’ ġurnalisti nżammu msakkra għal xi ħin kontra l-volontà tagħhom. L-IĠM qal li ma jistax ma jinterpretax dan l-aġir tal-Ispeaker bħala kollużżjoni maħsuba biss biex tipprova tgħatti aġir mhux demokratiku fil-konfront tal-media. 

Minkejja li t-talba tal-IĠM kienet irrifjutata u, f’deċiżjoni mill-aktar kontroversjali u diskutibbli ir-rapport ma kienx ippubblikat, dan xorta kien illeakjat lil taqsima tal-aħbarijiet. Wieħed kien jimmaġina li, bħala l-korp li ressaq l-ilment, l-IĠM kellu almenu jingħata il-korteżija ta’ kopja, iżda din l-aspettattiva kienet fierħa. 

L-IĠM insista li bħala il-korp li kien ressaq ilment uffiċjali dwar l-inċident li seħħew f’Kastilja fil-lejl tad-29 ta’ Novembru u sussegwentement kellu laqgħa mal-Kummissarju Hyzler u bagħtlu wkoll ‘dossier’ bl-informazzjoni dwar l-inċident, miġbur minn ġurnalisti li kienu vittmi ta’ dan l-abbuż, kellu jingħata aċċess għar-rapport tal-Kummissarju.

Iżda fil-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ma kienx hemm qbil biex ir-rapport ikun pubblikat għax ir-rappreżentanti tal-Gvern oġġezzjonaw li jsir dan qabel ma jingħata ruling jekk ir-rapport ta’ Dr Hyzler, kienx imur ‘il hinn mill-poteri mogħtija lilu bil-liġi.  L-Ispeaker ta’ ruling li r-rapport ma għandux ikun publikat għalissa, qabel tkun diskussa l-oġġezzjoni min-naħa tal-Gvern.

Ir-rapport illeakjat lil Lovin Malta sab li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat naqas mill-etika meta nies mhux awtorizzati sakkru lill-ġurnalisti f’sala f’Kastilja għal xi ħin. 

L-IĠM nnota partikolarment li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja pubblika kkonkluda li “l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandu l-għassa kontinwa tal-Armata u kieku nħasset il-ħtieġa li tkun miżjuda s-sigurtà fis-sitwazzjoni li kien fiha l-pajjiż, l-Armata żgur setgħet tipprovdiha.

Imma l-użu ta’ attivisti tal-partit fil-gvern biex jipprovdu s-sigurtà hu żbaljat u abbużiv. Din hi kwestjoni serja li tpoġġi dubji fuq l-integrità istituzzjonali tal-Gvern Malti għax għandu jkun hemm separazzjoni bejn l-Istat u l-Partit”.

KIen dan li wassal lill-Kummissarju Hyzler biex isib ‘prima facie’ ksur tal-kodiċi tal-Etika. Huwa kurjuż kif, fir-rapport, il-Kummissarju jikteb li fl-imġieba tagħhom l-istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż għandhom juru rispett lejn l-istituzzjonijiet u jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż. Iżid li għandhom juru sens ta’ bilanċ billi jkunu sensittivi lejn is-setturi kollha tas-soċjetà u b’mod partikolari għad-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tal-persuni konċernati biex jaġixxu b’sens ta’ ġustizzja.

L-IĠM fakkar li bħala korp ġurnalistiku, huwa ukoll wieħed mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Madankollu jidher li r-rispett għadu l-bogħod milli jintlaħaq. 

L-IĠM sellem lill-ġurnalisti li kienu vittma ta’ dan l-abbuż bi ksur tad-drittijiet umani u jsostni li dan ir-rapport, kif irrakkomanda l-istess Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, għandu jintbgħat kemm lill-ex Prim Ministru Muscat kif ukoll lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li ressaq l-ilment.