Internazzjonali

L-Iraq: Attakk bil-missili fuq bażi …bil-Papa mhux se jipposponi żjara storika

Il-bażi tal-ajru ta’ Al Asad – li tintuża mill-qawwiet tal-koalizzjoni taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti u li tinsab fil-punent tal-Iraq – intlaqtet minn talanqas għaxar missili waqt attakk speċifiku.

L-attakk fuq il-bażi – fejn hemm stazzjonati t-truppi tal-koalizzjoni li qegħdin jgħinu lill-qawwiet tal-Iraq biex jikkumbattu lit-terroristi tal-ISIS – seħħ ftit qabel żjara storika mill-Papa Franġisku f’dan il-pajjiż Għarbi.

Madankollu, il-Papa għamilha ċara li mhux se jipposponi ż-żjara minkejja t-twissijiet dwar l-element ta’ sogru min-naħa tal-gruppi militanti – u meta fl-Iraq qed tiddomina tieni mewġa tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-Papa Franġisku, waqt diskors fil-Vatikan, qal li xorta waħda għandu jibda ż-żjara fl-Iraq minkejja l-istat ta’ tensjoni attwali dovuta għall-attakk fuq il-bażi.

‘Nhar il-Ġimgħa jien beħsiebni mmur l-Iraq għal pellegrinaġġ ta’ tlett ijiem għaliex ili ħafna biex niltaqa’ mal-poplu Iraqi li għadda minn daqstant żmenijiet ta’ tbatija’, tenna l-Kap tal-Kattoliċi.

L-attakk fuq il-bażi ta’ Al Asad ma ssarrafx fi ħsarat kbar jew imwiet ‘diretti’ – għalkemm xi sorsi i qalu li kuntrattur ċivili tilef ħajtu minn attakk tal-qalb.

Din mhix l-ewwel darba li l-bażijiet tal-koalizzjoni spiċċaw mira ta’ attakki minn militanti jew gruppi tal-milizji fl-Iraq li qed jingħataw l-appoġġ mill-Iran fundamentalista. Fil-fatt l-Istati Uniti – li qed takkuża lill-milizji Xiti (sostenituri tal-Iran) għal numru ta’ attakki – fl-aħħar jiem kienet bagħtet l-ajruplani tal-gwerra abiex jattakkaw il-faċilitajiet tal-istess milizji fis-Sirja.