Lokali Qorti

L-Isqalli arrestat Malta b’rabta ma’ organiżazzjoni ta’ traffikar ta’ droga jaċċetta li jiġi estradit

Maximiliano Genova ta’ 39 sena minn Sirakuża aċċetta fil-Qorti li jiġi estradit lura lejn pajjiżu wara li tressaq il-Qorti minħabba l-konnessjonijiet tiegħu ma’ organizzazzjoni tat-traffikar tad-droga fi Sqallija.

Huwa tressaq il-Qorti wara li nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew għall-Isqalli, mill-Pulizija Taljana fejn huwa identifikat bħala l-kap ta’ organizzazzjoni kriminali bbażata f’Sirakuża.

L-Ispettur Mark Galea li ressaq lil Genova quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri qal li l-akkużat għażel li ma jwieġeb għal ebda domanda li saritlu waqt l-interogazzjoni.

Fil-Qorti huwa wieġeb il-mistoqsijiet kollha tal-Maġistrat Neville Camilleri, fosthom minn fejn hu u kemm għandu żmien. Għal mistoqsija jekk huwiex il-persuna li qed jintalab biex jiġi estradit lejn pajjiżu, Genova qal – ‘penso di si” – naħseb li iva.

Mistoqsi jekk huwa jixtieqx li jiġi estradit lura lejn l-Italja, Genova wieġeb fl-affermattiv. Il-Qorti tagħat żmien biex huwa jikkunsidra l-fatt li huwa ried li jiġi estradit lejn pajjiżu u għal darba oħra wieġeb fl-affermattiv.

Il-Qorti tagħat digriet fejn qalet li l-persuna miġjuba quddiemha għandu jintbagħat lura pajjiżu skont il-proċeduri. L-Isqalli kien ilu jaħrab mill-awtoritajiet Taljani għal xhur sħaħ. Investigazzjonijiet mis-Central Intelligence and Analysis Unit tal-Pulizija identifikaw lir-raġel li nstab jistaħba f’Malta.

Kien fis-sigħat bikrit tat-Tlieta, għall-ħabta tas-2: 00am, fejn il-Pulizija iċċirkondaw appartament f’San Pawl il-Baħar fejn kien qed jgħix Genova, qabel ma twettaq l-arrest.

L-Avukat Meredith Ebejer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mark Galea mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Martin Fenech deher għall-Isqalli.