Lokali

Malti jimmira li jikser rekord dinji… u jgħin lil Hospice

Chetcuti qed jagħmel dan il-vjaġġ b'memorja għal ħuh li miet bil-kanċer

Grupp ta’ ħames qaddiefa, wieħed minnhom Malti, Steve Chetcuti, it-Tnejn li għadda bdew vjaġġ mhux tas-soltu minn Portimao, fil-Portugal lejn Kourou, fin-naħa t’Isfel tal-Amerka f’attentat li jiksru rekord dinji tal-iqsar vjaġġ tat-tip tiegħu fl-Oċean Atlantiku. Dan filwaqt li qed jiġbru donazzjonijiet biex jgħinu tliet NGO’s, fosthom Hospice Malta.

Vjaġġ ta’ dan it-tip kapaċi jieħu madwar 60 ġurnata iżda huma qed jittamaw li jagħmluh f’madwar 45 ġurnata. Huma se jkunu qed jużaw waħda mill-aħjar u l-iktar dgħajjes b’saħħithom li qatt saru, b’assigurazzjoni li l-vjaġġ ikun kemm jista’ jkun sigur quddiem uħud mill-agħar kundizzjonijiet li wieħed jista’ jsib fuq il-baħar. Il-vjaġġ hu ta’ 6,000 kilometru.

Kull qaddief irid jikkonsma sa 6,000 kaloriji kuljum biex jassiguraw li kull persuna ma titlifx wisq piż matul dawn il-ġimgħat. Persuna normali matul jum komuni tikkonsma madwar 2,500 kaloriji. Minkejja li kull persuna se tkun qed tikkonsma daqstant kaloriji, xorta hemm il-probabbiltà li kull persuna titlef seba’ kilogrammi.

Matul dan il-vjaġġ, li jinkludi sagħtejn ta’ qdief u sagħtejn ta’ mistrieħ, hemm għadd ta’ biżgħat, fosthom mewġ qawwi li kapaċi jlaħħaq għoli ta’ 10 metri u saħansitra li l-magni tad-dgħajsa jew tax-xorb iġarrbu ħsarat b’kawża li jkollhom itemmu dan il-vjaġġ qabel mistenni.

Iżda l-agħar għadu ġej! Dawn il-qaddiefa possibilment se jkunu qed jesperjenzaw feriti f’idejhom, f’saqajhom, u kull post ieħor li jkun kontinwament qed imiss mad-dgħajsa jew il-moqdief. U bla dubju ta’ xejn, hekk kif id-dgħajsa fiha biss 8.5m għal 1.7m, l-ispazju hu limitat wisq tant li m’hemmx post fejn jinħaslu u fejn jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom u affarijiet bażiċi oħrajn. Saħansitra lanqas għandhom post fejn iqumu bilwieqfa u jagħmlu passejn.

Madanakollu, Chetcuti jemmen li dan il-vjaġġ hu wieħed li ħa jtih sodisfazzjoni kbir hekk kif filwaqt li tant iħobb dan l-isport, huma se jkunu qed jiġbru fondi għal persuni fi bżonn, fosthom għal Hospice Malta, liema moviment tant għin lil ħu Chetcuti, Mike ftit xhur qabel tilef il-battalja mal-kanċer.

Wieħed jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu lil Hospice Malta f’din il-link:

Jumejn wara li beda l-vjaġġ uniku ta’ 6,000km

L-aħħar messaġġ ta’ Steve Checuti qabel erħila għal din l-isfida:

https://www.instagram.com/p/CL4eyYLnAR7/