Lokali Saħħa

Robert Abela jintilef f’attakki partiġġjani minflok iwieġeb għat-tħassib dwar il-pandemija

Minflok iserraħ ras il-poplu Malti hekk kif il-pandemija qed tkompli taħkem b-mod aġġressiv lil pajjiżna, il-Prim Ministru infexx f’attakki partiġġjani.

Wara li din il-ġimgħa r-rekord preċedenti għan-numru ta’ każi ġodda inkiser mhux anqas minn tliet darbiet, u meta issa spiċċjna bi 3,000 każ attiv, il-Prim Ministru Robert Abela, mistoqsi x’beħsiebu jagħmel, wera li mhux ippreparat.

Meta ġbidna l-attenzjoni l-attenzjoni tal-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni prekarja f’pajjiżna, hu qal li għandna nqabblu ruħna ma’ pajjiżi oħrajn, u saħansitra qal li s-sitwazzjoni ‘għadha waħda stabbli‘.

Iżda mhux tal-istess idea diversi assoċjazzjonijet u unions medici, li fl-aħħar sigħat widdbu serjament lill-Prim Ministru dwar is-sitwazzjoni preżenti. Stqarrija mgiddba wkoll mill-istatistika taċ-Ċentru Ewropew tal-Mard Infettiv, li jpoġġi lil Malta propju fl-ewwel post fl-ammont ta’ każi ġodda ras għal ras fost il-pajjiżi Ewropej kollha.

NET News kellu aktar mistoqsijiet x’jagħmel lill-Prim Ministru, fosthom dwar il-proċess tal-vaċċinazzjoni, li dwaru hemm ħafna mistoqsijiet, l-aktar minn anzjani – anke ta’ aktar minn 80 sena – li għadhom ma rċievewx l-appuntament għat-tilqim. Iżda Abela pprova jaħrab.

Madankollu hu mbagħad reġa’ bdielu u dar biex iwieġeb. Iżda anke hawn, minflok għażel li jwieġeb u jserraħ ras dawk l-aktar inkwetati, infexx f’attakk partiġġjan.

L-iskumdità tal-Prim Ministru għall-mistoqsijiet dwar il-pandemija u t-tweġibiet b’attakki patriġġjani jikkuntrastaw ħafna mal-mod kif fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, dejjem ta x’jifhem li tmiem il-pandemija tinsab fil-qrib, u bil-famużi statements tal-‘mewġ fil-baħar’ u l-‘ġenna tal-art’.