Lokali Qorti

Sparatura fl-Imqabba: Il-Qorti kriminali tnaqqas id-depożitu tal-pleġġ għal wieħed mill-akkużati

Il-post fejn inqatel Saviour Gaffarena

Owen Schembri, wieħed miż-żewġt irġiel akkużati li wettaq sparatura fatali fl-Imqabba f’Lulju li għadda, u li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti tal-Maġistrati fuq depożitu ta’ €15,000 bil-Qorti Kriminali tnaqqas id-depożitu għal dak ta’ €3,000.

Schembri ta’ 18-il sena u l-ħabib tiegħu Leon Debono ta’ 19-il sena huma akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-ġrieħi gravi fuq il-kuġin tiegħu Vince Gaffarena. L-inċident kien seħħ f’Lulju li għadda.

Saviour Gaffarena, ta’ 27 sena, instab mejjet bi tiri ta’ pistola f’rasu fi triq il-Konvoj ta ’Santa Marija, l-Imqabba. Vince Gaffarena ta’ 17-il sena kien intlaqat minn tir sparat f’sidru u f’wiċċu, iżda baqa’ ħaj.

Schembri kien ingħata l-libertà proviżorja f’Diċembru li għadda, iżda ma setax jaffordja d-depożitu. F’digriet mogħti mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, id-depożitu tal-pleġġ tar-raġel tnaqqas b’ħames darbiet.

L-avukat ta’ Schembri, Arthur Azzopardi, kien argumenta li d-depożitu oriġinali tal-pleġġ kien impossibbli li jitħallas mill-akkużat. Schembri kien qal lill-Qorti li kien qiegħed u kien jgħix man-nanna tiegħu, li kienet tagħtih €50 fil-ġimgħa bħala flus kontanti.

Huwa ma kellu l-ebda depożitu bankarju jew proprjetà. Is-somma ta’ € 15,000 kienet “severa wisq u ma tirriflettix ir-realtà taċ-ċirkostanzi,” qalet il-Qorti.

Meta tat ħafna eżempji mill-ġurisprudenza, l-Imħallef qalet li meta jiffissaw l-ammonti tal-pleġġ, il-Qrati kellhom u għandhom iżommu f’moħħhom il-pożizzjoni finanzjarja tal-akkużat u l-garanti tiegħu.

Hija nnotat li l-Qrati kienu diġà ddeċidew li r-raġel kien adattat għall-ħelsien mill-arrest, u mhux se jkun ta’ periklu għas-soċjetà. In-nuqqas li tingħata l-libertà proviżorja kellu jkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola, qalet il-Qorti, u kien f’idejn il-Prosekuzzjoni li tikkonvinċi lill-Qorti li l-akkużat ma kienx kandidat adattat.