Lokali

Appoġġ għall-ftehim ta’ Fond Soċjali Ewropew ippreżentat minn Casa

Is-27 Gvern tal-Unjoni Ewropea u l-maġġoranza assoluta tal-Membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) appoġġjaw il-ftehim li laħaq il-Membru Parlamentari Ewropej, David Casa dwar il-Fond Soċjali Ewropew b’valur ta’ €90 biljun għas-seba’ snin li ġejjin. Dan hu pass li għandu jwassal għall-implimentazzjoni ta’ dan l-ammont kbir ta’ flus għal dawk l-aktar fil-bżonn madwar il-kontinent.

Dan il-ftehim ġie approvat waqt laqgħa li saret il-bieraħ tal-COREPER, filwaqt li llum l-MEPs appoġġjaw il-ftehim permezz ta’ vot fil-Kumitat EMPL.

Il-Fond Soċjali Ewropew hu l-għodda ewlenija tal-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-qgħad, ittejjeb it-taħriġ għall-impjegati, tindirizza l-faqar fost iż-żgħażagħ u t-tfal, dawk l-aktar fil-bżonn, l-inklużjoni soċjali, kif ukoll l-innovazzjoni soċjali. F’Malta, dawn il-flus jintużaw minn numru ta’ entitajiet tal-Gvern, kunsilli lokali u NGOs permezz ta’ skemi varji li ħafna minnhom huma amministrati minn Jobs Plus.

Dawn il-fondi huma importanti ħafna għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment dawk marbuta mal-impjiegi.