Lokali

Arrestati żewġt irġiel b’rabta ma’ għadd ta’ serqiet

Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
Jolqtu żewġt għasafar b'ġebla waħda hekk kif arrest b'rabta ma' serqa wassal biex ġew solvuti għadd ta' serqiet oħra

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, arrestat żewġt irġiel b’rabta ma’ serqa armata li seħħet fil-11 ta’ Diċembru illi għadda f’ħanut fi Triq il-Kostituzzjoni, Mosta.

Wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjoni, il-Pulizija identifikaw liż-żewġ persuni li allegatament wettqu din is-serqa u anke stabilixxiet fejn kienu qegħdin joqgħodu.

Nhar it-Tlieta, ftit wara l-għaxra ta’ bil-lejl, Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, iċċirkondaw appartament f’San Pawl il-Baħar u arrestaw raġel ta’ 42 sena mis-Serbja.

L-operazzjoni ssoktat ilbieraħ, l-Erbgħa, fejn għal ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija arrestat it-tieni persuna, raġel ta’ 42 sena mill-Maċedonja, minn appartament fil-Gżira.

Minbarra li ż-żewġt irġiel wettqu flimkien is-serqa fil-Mosta, waqt l-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li r-raġel mis-Serbja, allegatament waħdu kien involut f’erba’ serqiet oħra li seħħew fl-aħħar xhur fin-Naxxar, San Pawl il-Baħar u Ħal Qormi.

Iż-żewġ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli.

Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta