Internazzjonali

Covid-19: Franza taħseb fl-ekonomija fost l-ispinta tal-imwiet…. U-turn mill-Ġermanja fir-rigward tal- vaċċin tal-AstraZeneca

Il-President  ta’ Franza, Emmanuel Macron, għalissa qed iżomm lura milli jimponi lockdown f’Pariġi għal tmiem il-ġimgħa – u meta jinsab determinat li jżomm l-ekonomija ta’ pajjiżu ‘miftuħa kemm jista’ ikun’ minkejja spinta ġdida fir-rata tal-imwiet mill-Covid-19.

Sadanittant, il-politika ta’ Macron qed tkun ikkritikata fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa meta pajjiżi ewlenin bħar-Renju Unit u l-Ġermanja deċidew li jintroduċu l-lockdowns nazzjonali bħala l-aħjar mod biex jikkumbattu l-varjanti l-ġodda tal-virus. Dan ukoll, meta Franza qed timplimenta curfew ta’ bil-lejl anqas riġidu – għalkemm mhumiex qed jiftħu l-bars u r-ristoranti fil-pajjiż.

Filwaqt  li r-Renju Unit qed jaħseb biex joħroġ, bil-mod, mil-lockdown, wara tnaqqis kontinwu fl-infezzjonijiet bil-Covid-19, Franza għadha qed tirreaġġixxi għall-eqqel tal-pandemija. Filwaqt li s-sitwazzjoni f’Pariġi se tgħaddi minn reviżjoni l-ġimgħa d-dieħla, Macron qal li ‘jekk l-awtoritajiet jistgħu jevitaw lockdown fil-kapitali se jagħmlu minn kollox biex is-sitwazzjoni tiqba’ kif inhi’.

Madankollu, fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, kien lest biex iħabbar lockdown għal tmiem il-ġimgħa għaz-zona ta’ Pas-de-Calais, fin-naħa ta’ fuq ta’ Franza u li għandha tkun simili għal-lockdown li hu effettiv għar-Riviera Franċiża.

Fi żviluppi oħra, il-Ġermanja – l-istess bħal Franza, fil-bidu tal-ġimgħa – biddlet il-pożizzjoni inizjali dwar il-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca u issa qed tippermetti t-tilqima għaċ-ċittadini ta’ ‘il fuq minn 65 sena.

Qabel, il-Ġermanja kienet illimitat dan il-vaċċin għall-persuni iżgħar fl-età, bl-awtoritajiet jgħidu li ma kellhomx data biżżejjed dwar l-effetti fuq l-akbar anzjani. Din il-politika wasslet għal livell qawwi ta’ xettiċiżmu dwar l-effettività tal-vaċċin fost il-poplu, b’numru ta’ Ġermaniżi jirrifjutaw it-tilqima.

Iżda l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, issa qalet li l-aħħar studji provdew biżżejjed data għall-approvazzjoni tal-vaċċin tal-Oxford-AstraZeneca għaċ-ċittadini ta’ kull età.

Diversi eżerċizzji ta’ riċerka urew li l-vaċċin speċifiku, fil-fatt, hu effettiv ħafna fost l-anzjani – bil-Belġju, issa, ukoll jikkonferma li se japprova l-istess vaċċin għaċ-ċittadini anzjani tiegħu.