Lokali Parlament

Il-ġid komuni anke fil-qasam ambjentali huwa ta’ prijorità għall-PN

Fil-Parlament, il-Gvern ivvota kontra emenda tal-Oppożizzjoni

Ilbieraħ fil-Parlament, waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġijiet, reġgħet ħarġet ċara d-differenza bejn x’inhi t-tifsira vera tal-ġid komuni għall-Partit Nazzjonalista u għall-Gvern Laburista.

Waqt li kienet qed tiġi diskussa l-liġi dwar it-twaqqif ta’ awtorità ġdida dwar il-kostruzzjoni, l-Oppożizzjoni permezz tal-membri tagħha ressqet emenda sabiex ikun hemm fost oħrajn rappreżentanza f’isem l-għaqdiet ambjentali kif ukoll rappreżentanza li tħares id-drittjiet tal-ġirien ta’ siti tal-kostruzzjoni fuq il-bord fi ħdan din l-awtorita’. Min-naħa tiegħu pero’,
l-Gvern Laburista permezz tal-membri tiegħu fuq dan il-kumitat ivvutaw kontra din l-emenda.

Minkejja dan l-atteġġjament negattiv tal-Gvern, li ċertament imur kontra l-interess tal-ġid komuni, l-Oppożizzjoni se tibqa’ viġilanti fil-ħidma tagħha favur il-ġid komuni anke b’aċċenn fuq l-ambjent f’pajjiżna. Dan se nkompluh mhux biss bil-hidma fil-Parlament iżda wkoll b’azzjonijiet u proposti konkreti. Fil-ġimghat li ġejjin l-Oppożizzjoni se tkompli tressaq aktar proposti relatati mal-qasam ambjentali kif għamilna fil-qasam tal-enerġija ftit tal-jiem ilu.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li anke fil-qasam tal-ambjent f’pajjiżna jixraq ukoll li nibdew paġna ġdida b’rispett lejn bilanċ bejn l-istess ambjent u żvilupp sostenibbli.