Lokali Qorti

Il-Maġistrat Lia tilqa’ t-talba biex ma tismax il-kumpilazzjoni dwar żewġ omiċidji

Il-Maġistrat Nadine Lia laqgħet it-talba tal-Avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia biex tirrikuża ruħha u ma tismax il-kumpilazzjoni tal-erba’ rġiel akkużati b’rabta mal-omiċidji ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chirciop. Il-polza biex jintagħżel ġudikant ieħor saret tard wara nofs-inhar u ġiet assenjata lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.

Wara li qalet li hija ma kellhiex għalfejn tirrikuża ruħha għal diversi raġunijiet fosthom li anke min għamel it-talba qal li jemmen fl-integrità tagħha, hija qalet li każijiet bħal dawn għandhom jiġu ttrattati mingħajr dell ta’ dubju.

Għal dawn ir-raġunijiet u raġunijiet ta’ konsistenza hija laqgħet t-talba għal rikuża u ordnat li l-każ jintbagħat lura lir-reġistratur tal-Qorti biex jerġa ‘jiġi assenjat lill-ġudikant ieħor.

Il-Maġistrat qalet li ż-żminijiet inbidlu mir-rikuża preċedenti tagħha fil-każ ta’ Yorgen Fenech. Dak iż-żmien, il-Prosekuzzjoni ma kinitx talbet għal rikuża.

Illum hija qalet, għal xi raġuni, kemm il-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali ssekondaw it-talba għal rikuża tal-parte civile.Filwaqt li kkwotat partijiet mil-liġi l-aktar li jrid ikun hemm raġunijiet sodi, fosthom li min huwa nvolut fil-każ għandu kunflitt ta’ interess familjari qrib.

Il-Maġistrat Lia qalet li kull min jagħmel talba biex hi jew xi ġudikant ma jismax il-kawża kellu l-opportunità li jagħmel dan mill-24 ta’ Frar li għadda, meta tressqu l-Qorti l-akkużati.

Hija qalet li ħadd mill-partijiet ma ressaq xi talba jew xi oġġezzjoni biex hi ma ma tkunx tagħmel parti mill-polza jew xi oġġezzjoni xi ħaġa li tindika li r-rikuża kienet se tintlagħab..

Hija qalet li kieku ġara hekk setgħu jinstabu aktar soluzzjonijiet malajr. Qalet li l-parte civile jew parti oħra setgħu jippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom b’mod immedjat.

Il-Maġistrat Lia qalet li l-Avukati ta’ Caruana Galizia mhux qed tagħmel it-talba tagħha fuq imparzjalità, jew li hemm xi dubju dwar dan. Qalet li se tkompli taqdi dmirha u xi oġġezzjoni oħra dwar rikuża oħra f’każ jew każijiet oħra m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dan il-każ.

Qalet li r-raġuni għandha tkun waħda leġittima biex wieħed ma jismax każ u dan isir fejn il-liġi tipprovdi li dan għandu jew irid isir. Qalet li hu dmir ta’ ġudikant li jisma’ l-kawża.

L-Avukat Jason Azzopardi f’isem il-familja Daphne Caruana Galizia għamel talba biex il-Maġistrat Nadine Lia ma tismax il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-erba’ rġiel akkużati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop. Il-Maġistrat qalet li se tiddeċidi aktar tard mal-ġurnata fuq din it-talba.

L-Avukat Jason Azzopardi f’isem il-familja Caruana Galizia talab lill-Qorti kif preseduta sabiex jogħoġobha tikkunsidra tirrikuża ruħha milli tippresjedi din il-kumpilazzjoni.

Huwa qal li dan qiegħed jintalab mhux u bl-ebda mod ta’ xi riflessjoni fuq l-intergrità personali tal-Maġistrat Lia, iżda ‘inlinea’ mad-digriet tal-istess Maġistrat tat-3 ta’ Diċembru 2019 fil-kawża Pulizija kontra Yorgen Fenech.

Dak inhar il-Maġistrat Lia kienet laqgħet l-istess parte ċivile għal raġunijiet li kienu imfissra f’rikors li kien sar dak inhar. L-Avukat Azzopardi qal ukoll li dan qed isir fil-kuntest tal-ħsieb u raġunament korrettissimu tal-Maġistrat Lia meta astjeniet mill-tippresiedi l-kawża l-Pulizija vs Paul Bailey (2019).

L-Avukat Azzopardi qal ukoll li dan fil-kuntest ta’ ġurispredenza fil-kawża Micallef vs Malta (2009) kif ukoll Sandro Chetcuti vs l-Avukat Ġenerali 2005 Qorti Kostituzzjonali kif ukoll ir-raġunament li wassal għar-rikuża tal-Maġistrat inkwerenti Dr. Scerri Herrera fis-17 ta’ Ottunru 2017, liema digriet kienet saret referenza għalih tal-parte civile – Pulizija vs Yorgen Fenech.

Tenna wkoll li għandu jiġi osservat il-prinċipju li l-ġustizzja trid tidher li qed issir partikolament meta fi żmien 30 jum din il-Qorti trid tieħu deċiżjoni.

Saħaq li għal dawn ir-raġunijiet il-parte civile xorta għandha l-akbar rispett lejn il-Maġistrtat Lia, pero biex il-ġustizzja tidher li qed issir ittenni t-talba tagħha u li hija tikkunsidra attivament li tirrikuża ruħha f’din il-kawża.

Il-Qorti hawn stiednet li l-partijiet jisħqu jekk għandhomx xi jgħidu dwar din it-talba. L-Avukat George Camilleri għall-Avukat Ġenerali qal li l-fatt li l-Prosekuzzjoni tiddikjara fiduċja assoluta fl-imparzjalità ta’ din il-Qorti u għamlet referenza għad-digriet mogħti minnha stess, tat-3 ta’ Diċembru tas-sena 2019 fil-kawża Pulizija vs Yorgen Fenech.

L-Avukat Camilleri għamel ukoll referenza fuq każ ieħor u għalhekk l-Avukat Ġenerali iħalli kollox f’idejn il-Qorti dwar dan il-każ. Is-Supretendent Keith Arnaud qabel mar-riferenza tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Alfred Abela li qed jidher għall-aħwa Adrian u Robert Agius kif ukoll għal Jamie Vella ukoll qal li għandu fiduċja sħiħa fil-Maġistrat Lia. L-Avukat William Cushhieri li qed jidher għal George Degiorgio oġġezzjoni minħabba li l-akkuża fir-rigward ta’ George Degiriogio tinvolvi biss l-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop.

Qal li kif jirriżulta mill-akkużi huwa estranju għal kollox rigward l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, liema omiċidju huwa diġa jinstab għaddej proċeduri kriminali kemm quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti Kriminali.

Qal li f’dan il-każ għandu japplika t-tagħlim tal-Qrati, bir-raġunijiet maħsuba mill-Artiku 734 tal-kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta huma tassattivi. U li t-tagħlim iċċittat minn diversi kollegi tal-Qorti ta’ Strasburgu ma japplikax għall-akkużi li għalihom qiegħed iwieġeb għalihom George Degiorgio.

Huwa jirrileva wkoll li ma jħossx li jkunx sew li tkun il-parte civile illi “tagħżel il-Maġistrat residenti fil-kumpilazzjoni għal raġunijiet għal kollox estrani għall-proċeduri fil-konfront tiegħu.” l-Avukat Cuschieri qal ukoll li għandu fiduċja fil-Maġistrat Nadine Lia.

Fl-awla kien hemm preżenti tlieta mill-erba’ akkużati, l-aħwa Adrian u Robert Agius u George Degiorgio. L-akkużat l-ieħor Jamie Vella ma kienx preżenti fl-awla minħabba li jinsab kwarantina jirkupra mill-pandemija tal-COVID-19 u għandu jkun disponibbli fil-11 ta’ Marzu. Dwar Jamie Vella fil-Qorti ġie preżentat ċertifikat mediku biex tiġi konfermata l-assenza tiegħu fl-awla.

Ix-xorti messet lill-Maġistrat Nadine Lia biex tisma’ l-provi tal-erba’ akkużati li nhar l-Erbgħa 28 ta’ Frar kienu tressqu l-Qorti b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.

Il-kawża ġiet appunatata lill-Maġistrat Lia wara li l-Maġistrat Marse-Anne Farrugia ddeċidiet li tastjeni milli tisma l-każ minħabba li disa’ mill-akkużi kontra l-erba rġiel involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Chircop jiffurmaw parti mill-inkjesta mmexxija minnha.

Adrian Agius u ħuh Roberto Aguis magħruf bħala Ta’ Maksar ġie mixli li kkummissjona l-qtil tal-Avukat Chircop f’Birkirkara. Jamie Vella, ma kienx fl-awla minħabba li skont l-Avukati tiegħu qed ibati minn kundizzjoni u George Degiorgio, magħruf bħala “Iċ-Ċiniż” ġew akkużati bl-eżekuzzjoni tal-qtil li ġara f’kumpless ta’ garaxxijiet fit-8 ta’ Ottubru 2015.

Robert Agius u Jamie Vella huma akkużati b’assoċjazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia billi pprovdew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista f’Ottubru 2017.

Minħabba t-terminu skont il-liġi, l-kumpilazzjoni trid tibda sa nofs il-ġimgħa d-dieħla u jekk ikun hemm xi talba biex il-Maġistrat ma tismax il-każ, ikun jibqa’ biss ‘three working days’ sal-Erbgħa biex jismagħha Maġistrat ieħor jew oħra.

Il-Maġistrat Lia kienet irrekużat ruħha mill-każ ta’ Yorgen Fenech

Fl-4 ta’ Diċembru, 2019 il-Maġistrat Nadine Lia kienet irrekużat ruħha mill-każ ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u wara kie ġie assenjat lill-Maġistrat Rachel Montebello.

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia kienu għamlu talba fil-Qorti biex il-Maġistrat Nadine Lia tastjeni mill-każ ta’ Yorgen Fenech u ma tismax il-kumpilazzjoni assenjata lilha fil-konfront tan-negozjant. Huma kienu qalu li dan għamluh minħabba każ ta’ kunflitt ta’ nteress ċar. Din it-talba reġgħet saret dalgħdu prattikament għall-istess raġunijiet.

L-Avukati kienu qalu liu dan huwa każ marbut mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mal-Prim Ministru u mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, li tagħhhom il-kunjatu tal-Maġistrat Lia huwa konsulent legali u difensur ta’ dak iż-żmien Prim Ministru Joseph Muscat.

L-erba’ rġiel li qegħdin jiġu akkużati b’rabta ma’ żewġ omiċidji tressqu fuq informazzjoni li pprovda Vince Muscat ta’ 58 sena, magħruf bħala “Il-Koħħu” li ġie kundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Cauana Galizia.

Hekk kif huwa ammetta r-reati kollha konnessi ma’ dan il-każ huwa ma ngħatax il-piena massima, dik ta’ għomor il-ħabs. Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kriminali qalet li kien hemm tnaqqis fil-piena peress li Muscat għen lill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-informazzjoni li ta kienet utli biex dan il-każ jissolva fejn ġew arrestati erba’ persuni oħra inkonnessjoni mal-każ.

Is-sentenza ingħatat wara li f’termini legali sar patteġġament (ftehim) fuq il-piena. Dan peress li Muscat ta’ nformazzjoni wkoll utli mhhx biss fuq dan l-omiċidju iżda wkoll biex jissolva l-każ tal-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel fl-2015.

Għall-aħwa Agius u Vella qegħdin jidhru l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin filwaqt li għal Degiorgio qed jidher l-Avukat William Cuschieri. L-Avukati Jason Azzopardi qiegħed jidher għall-familjari tal-ġurnalista.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shaun Pawney u Wayne Camilleri, u l-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.