Lokali

“Il-membri tal-Gvern m’għandhomx ifixxklu l-ħidma tal-Kummissarju tal-Istandards” – PN

"Ippreżentata mozzjoni biex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia"

Aktar kmieni llum ġiet ippreżentata mozzjoni biex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia din il-ġimgħa stess u li permezz tiegħu l-Ispeaker ddeċieda li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma kellux ikompli jinvestiga l-każ li seħħ fid-29 ta’ Novembru tal-2019 meta numru ta’ ġurnalisti ġew imsakkra kontra r-rieda tagħhom fil-Berġa ta’ Kastilja.

Dan ħareġ fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ġustizzja, Karol Aquilina
u l-Kelliem għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba Therese Comodini Cachia.

L-istqarrija tkompli tgħid li fir-rapport tiegħu l-Kummissarju sab ksur prima facie mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat tal-Artikli 4.9 u 5.8 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari u ċioè:

4.9 Il-Ministri għandhom iżommu separati r-rwoli tagħhom bħala Ministri u bħala Deputati, kif ukoll ir-rwol tagħhom bħala membru ta’ partit politiku; u

5.8 Ġustizzja u rispett – fl-imġieba tagħhom u deċiżjonijiet li jieħdu, l-Ministri għandhom juru rispett lejn l-istituzzjonijiet u għandhom jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż. Għandhom juru sens ta’ bilanċ u qies billi jkunu sensittivi inġenerali lejn is-setturi kollha tas-soċjeta’, kif ukoll b’mod partikolari lejn id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tal-persuni kkonċernati, sabiex b’hekk jimxu b’sens ta’ ġustizzja.

L-Oppożizzjoni temmen bis-sħiħ li r-ruling tal-Ispeaker iġib fix-xejn il-funzjonijiet, is-setgħat u l-obbligi tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika billi jrendihom bla snien fil-konfront ta’ min, bħal Joseph Muscat, ikun instab ħati ta’ abbużi ta’ poter u ksur ta’ dmirijiet statutorji u etiċi. B’mod partikolari l-Oppożizzjoni tisħaq illi l-Ispeaker m’għandux is-setgħa li permezz ta’ ruling jagħti interpretazzjoni dwar id-disposizzjonijiet tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika u b’mod partikolari l-Ispeaker m’għandux is-setgħa li permezz ta’ ruling jiddeċiedi dwar il-validità ta’ rapport imħejji mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jew jekk il-Kummissarju aġixxiex skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

L-Oppożizzjoni qed tqis ir-ruling mogħti mill-Ispeaker bħala xhieda u konferma li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, fl-Parlament, qed tirrenja impunita’ istituzzjonalizzata li qed tikkawża ħsara kbira għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Għalhekk bħala Oppożizzjoni qegħdin ninsistu li r-ruling tal-Ispeaker għandu jiġi rivedut mill-Parlament sabiex dan ikun skont il-kelma u l-ispirtu tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.