Coronavirus Lokali Saħħa

Il-PN jitlob inkjesta indipendenti biex ikun magħruf jekk kull min ħa l-vaċċin kellux dritt għalih

Il-Kap tal-PN Bernard Grech talab li ssir inkjesta indipendenti biex ikun magħruf jekk kull min ħa l-vaċċin ghal kontra l-Covid kellux dritt għalih.

“Qed nitlob li ssir inkjesta indipendenti sabiex insiru nafu li kull min ħa l-vaċċin kellu dritt għalih.  Inkjesta li għandha sserraħ ras in-nies li kollox qed isir above board.  Inkjesta li trid tivverifika r-reġistru ta’ kull min ingħata l-vaċċin u jiġi stabbilit jekk dawn li ħaduh humiex fil-fatt eliġibbli.  Inkjesta li trid ittina riżultati malajr.”

Dan intqal tul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mad-deputati Claudette Buttigieg u Stephen Spiteri.

Bernard Grech tenna li jeħtieġ serjetà akbar u trasparenza… b’mod partikolari f’dan il-mument tant delikat illi fih pajjiżna qed jaffaċja numri kbar marbuta mal-pandemija, jum wara l-ieħor.

“Żmien id-daħq fil-wiċċ spiċċa… jeħtieġ politiċi maturi u serji, li jieħdu deċizzjonijiet bil-għaqal li jħarsu l-poplu Malti”

“Għandna s-sistema tas-saħħa f’xifer kollass. Kelmuna l-ispeċjalisti u qalulna kif l-emerġenza u l-ITU qegħdin fix-xifer.  Il-kura speċjalizzata li qed tingħata qed tinfirex fuq iktar pazjenti minn dak rakkomandat”.

Il-Kap tal-PN esprima solidarjetà mal-familji tal-vittmi li mietu bil-Covid…. u sostna li Robert Abela minflok skuża ruħu mal-qraba tal-vittmi kollha li tilfu ħajjithom b’dan il-virus qed jinħela f’narrattiva partiġġjana.

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri minn naħa tiegħu qal li l-Gvern irid jibda jisma’ mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Irid li l-Gvern issa llum qabel għada jibda jisma’ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa… u mhux viċi-versa. Irridu nsegwu lill-Awtoritajiet tas-Saħħa, irid ikollna aktar edukazzjoni biex il-pandemija ma tkomplix tinfirex”

“Il-PN sa anki ta għadd ta’ proposti ibbażati fuq ix-xjenza u li llum il-Gvern ta raġun tal-azzjoni li ħa l-PN. Id-deċizzjoni jridu jittieħdu għal valur tas-saħħa u mhux ibbażati fuq il-popoliżmu”

Min-naħa tagħha d-deputat Claudette Buttigieg qalet li l-PN f’nofs din is-sitwazzjoni ta’ sfidi kbar u se jibqa’ jirrapreżenta s-sentiment tan-nies.

“Qed nisimgħu minn nies…. qed nisimgħu mill-esperti… kemm tmejlu għax issuġerejna t-teleworking, issa se jagħmilha…. ir-realtà dan il-Prim Ministru mhux jmissha”

“Qegħdin fejn qegħdin illum għax huwa t-tort il-PM Robert Abela għax ħawwad l-imħuħ bi stqarrijiet konfliġenti tas-sitwazzjoni kurrenti”

Intant tul il-konferenza tal-aħbarjiet il-Kap tal-PN wieġeb id-domandi tagħna għal kummenti li għadda l-President tal-MUMN Paul Pace ma’ Net News, fejn Bernard Grech għamel aċċenn ghall-fatt illi jeħtieġ li jkun hemm aktar ordni fuq min għandu jieħdu l-vaċċin, u li l-ħaddiema tas-saħħa jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jitnaqqas l-abbuż. 

Dan wara li tul il-jum żvelajna li f’xi każi…qed ikun hemm nies li jaqbdu u jitfaċċaw biex jieħdu l-vaċċin, mingħajr ma jkunu fil-listi uffiċjali.

Ikkummenta