Lokali

“Irridu nagħtu prijorità għal soċjetà indaqs” – Bernard Grech

“Hemm bżonn tar-rieda tagħna lkoll għal bidla fil-mentalità – il-liġijiet waħedhom mhux ser ikunu qed ibiddlu l-qagħda tal-mara fis-soċjetà.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività Q&A fuq il-media soċjali, bit-tema INDAQS, li qed tintuża’ għall-kampanja tal-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalsita fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.

Bernard Grech insista li hemm il-bżonn li nedukaw lis-soċjetà, filwaqt li stqarr li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħmilha ċara li kulħadd hu ndaqs.

“F’din il-komunità li rrid nara jien fil-futur, f’Malta tieghi u Malta tiegħek kulħadd huwa ndaqs u ħadd ma huwa aħjar minn ħadd jekk maħniex se nbiddlu il-mentalità jekk mhux ha nbiddlu l-atitudni nistgħu nagħmlu elf liġi għax l-affarijiet ma jitranġawx.”

Waqt l-intervista, hu sostna li l-bidla fil-mentalità trid tkun preżenti wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-vjolenza domestika, fejn insista li tali att viljakk qatt ma hu aċċettabli – ikun fuq min ikun.

Bernard Grech sostna li hu kommess li Gvern immexxi minnu se jkun qed jindirizza darba għal dejjem il-kwistjoni tal-Gender Pay Gap, fejn saħaq li hemm bżonn li jittieħdu miżuri deċiżivi biex ngħixu f’soċjetà ekwa fejn mara titħallas daqs raġel għall-istess xogħol.

“Gvern Nazzjonalista mmexxi minni ser ikun qiegħed jindirizza mingħajr dubju mhux b’wieghdiet fierha imma b’mizuri effettivi biex naslu ghal din il-ħolma li tista ssir realtà.”

Dan filwaqt li insista li hu jrid li n-nisa jkollhom il-libertà kollha biex isibu l-opportunitajiet ħalli javvanzaw fil-karriera tagħhom mingħajr ostakli, filwaqt li saħaq li l-ebda mara m’għandu jkollha karriera minħabba l-ulied, jew saħansitra tiddeċiedi li ma tkabbarx il-familja għal karriera. Għaldaqstant, Bernard Grech spjega li jeħtieġu aktar miżuri u jemmen li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista ser jixprunaw titjib li jixraq lis-soċjetà Maltija.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija li preżentament pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħha, Bernard Grech wassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi, b’mod partikolari lill-istudenti li ddeskrivihom bħala żgħażagħ reżiljenti li qed jgħixu perjodu xejn pjaċevoli fi żmien fejn ċertament iridu jgawdu.

“Ippermettuli nagħmlilkom appell ieħor din id darba bħala missier bħala politiku u bħala Malti ħudu ħsieb xulxin pero ħudu ħsieb il-kumplament tas-soċjetà.”

Dan filwaqt li insista li din il-pandemija nistgħu negħlbuha biss flimkien.

“Għamlu kuraġġ u ejjew lkoll flimkien socjeta li jimportaha nieħdu ħsieb lil xulxin għaliex din il-pandemija nistgħu nelbuha biss ilkoll flimkien.”

Sadanittant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li mill-ewwel jum li laħaq f’din il-kariga għamilha ċara li l-bibien tal-Partit jinsabu miftuħa beraħ għal kulħadd għax jinsab konvint li kulħadd jista’ jagħmel id-differenza għall-ġid ta’ pajjiżna.