Internazzjonali

Jiħrax id-diżgwid mal-Irjali: Meghan tirreferi għal ‘gideb u qlajjiet’ mill-Palazz

Id-Dukessa Meghan ta’ Sussex, il-mara tal-Prinċep ( u Duka ta’ Sussex) Harry, esprimiet id-determinazzjoni tagħha li ‘ma żżomm xejn fuq żaqqha’ meta kibret il-kriżi bejn din il-koppja u l-Familja Rjali Britannika fi żmien partikularment skomdu għall-monarkija.

U f’kumment mill-aktar ‘splussiv’, Meghan – permezz ta’ silta minn intervista mar-‘reġina’ tat-talkshows Amerikana Opray Winfrey – sostniet li l-uffiċjali fil-Palazz ta’ Buckingham (f’Londra) ma jistgħux jistennew ‘li hi żewġha jibqgħu siekta meta (l-istess uffiċjali) qed ixerrdu l-qlajjiet u l-gideb dwarhom’.

Hu minnu li l-Irjali Britanniċi qed jinkwetaw dwar ‘dak li jista’ joħroġ’ mill-intervista ta’ Oprah Winfrey ma’ Harry u Meghan. L-intervista se tixxandar ‘esklussivament’ fi tmiem il-ġimgħa fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit, ftit tas-sigħat wara.

Intant, mistenni li fl-intervista joħorġu dettalji ‘interessanti’ dwar iż-żmien meta Harry u Meghan kienu jaqdu d-doveri rjali tagħhom f’isem il-monarkija qabel huma warrbu għal ħajja ġdida fl-Istati Uniti.

Mill-banda l-oħra, Buckingham Palace qed jinvestiga allegazzjonijiet dwar  bullying, min-naħa tad-Dukessa, fil-konfront tal-membri tal-istaff irjali.

Is-silta – jew clip – li, bħalissa, qed tingħata pubbliċità bħala ‘parti mill-istennija għall-intervista’ hi twila madwar 30 sekonda. Matulha, Winfrey tistaqsi lil Meghan ‘dwar kif iħossha f’sitwazzjoni fejn l-Irjali u l-uffiċjali tal-Palazz ( ta Buckingham) se jisimgħuha tgħid il-verità dwar iż-żmien tagħha bħala membru attiv ta’ dik il-familja (irjali)’.

Id-Dukessa ta’ Sussex imbagħad twieġeb li ‘wara dan iż-żmien kollu wieħed ma jippretendix li huma ( Harry u Meghan) jibqgħu b’fommhom sieket jekk kemm-il darba l-Familja Rjali u n-network ta’ madwarha huma parteċipi f’kampanja ta’ gideb fil-konfront tagħha u ta’ żewġha’.

L-analisti ta’ din is-sitwazzjoni, intant, qablu li l-kummenti xotti ta’ Meghan qed jenfasizzaw ‘kemm qalbu għall-agħar ir-relazzjonjiet mal-Familja Rjali Britannika’.

U issa mhemmx dubju li Harry u Meghan se jmorru ‘pass ‘il hin’ mis-soltu kritika regolari (tagħhom) għall-istampa tar-Renju Unit u mhux eskluż li huma użaw l-intervista biex ‘jiftħu l-kanuni kollha fuq il-monarkija’.

Harry u Meghan kienu spiċċaw għal kollox mir-rwol ta’ working royals f’Marzu tal-2020 u llum, huma qed jgħixu f’Kalifornja. Sadanittant, il-Koppja Sussex qed jiċħdu kategorikament għall-allegazzjonijiet ta’ bullying ta’ persuni li kienu jaħdmu għalihom.

L-intervista ta’ Meghan u Harry ma’ Oprah Winfrey se tixxandar mill-Istazzjon tas-CBS nhar il-Ħadd, is-7 ta’ Marzu u bix-xandira fir-Renju Unit qed tkun ipprogrammata għall-għada it-Tnejn , permezz tal-Istazzjon ITV.