Coronavirus Edukazzjoni Ekonomija Lokali Saħħa

“Jinteressani biss li jsir il-ġid” – Bernard Grech

“Jien jinteressani biss li jsir il-ġid u huwa d-dmir tagħna l-politiċi li naraw li dan isir. Għalhekk huwa importanti li naħdmu flimkien biex pajjiżna jsir pajjiż aħjar għall-futur ta’ uliedna.”

Dan kien il-messaġġ li għadd l-Kap tal-PN Bernard Grech f’laqgħa li kellu mal-Forum Unions Maltin. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol Jason Azzopardi u l-President tal-Fergħa Solidarjeta Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista Ivan Castillo.  

Bernard Grech qal li huwa importanti li kulħadd… kull professjonist u kull persuna tkun rikonoxxuta għax-xogħol imprezzabbli tagħha… b’mod partikolari l-għalliema għax ġieli huma jħossu li x-xogħol tagħhom mhux rikonuxxut biżżejjed.

Huwa qal li l-PN irid li jkun hemm djolgu miftuħ ma’ kulħadd għax huwa biss b’dan il-mod li nkunu nafu eżatt dak li qed iħossu n-nies.   

Min-naħa tiegħu, il-President tal-FORUM Marco Bonnici qal li l-FORUM jinkludi iktar minn 15,000 membru b’14-il trade union differenti. L-għan tagħhom hu li jingħaqdu flimkien sabiex ikunu l-vuċi ta’ diversi ħaddiema fosthom dawk li jaħdmu fis-settur mediku hekk kif bħalissa qed ikunu affaċċjati minn sfidi kbar kawża tal-pandemija tal-COVID.