Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ sentejn ħabs għal mara li ‘mhijiex tajba biex toqgħod barra l-konfini tal-ħabs’

Uffiċjal tal-Probation li kienet qed isegwi mara bi problemi ta’ droga u li qed tiskonta piena ta’ ħabs qalet li sfortunatament mhijiex tajba biex toqgħod barra l-konfini tal-ħabs.

L-uffiċjal Marilyn Attard xehdet f’Appell li sar mill-mara ta’ 44 sena fuq sentenza ta’ sentejn ħabs li Ersilia Gauci tuża metordi ta’ ingann u b’hekk jidher ċar li mhijiex lesta li tiġi fdata biex tkun fil-komunità u tibda programm.

L-Uffiċjal spjegat lil-ewwel pass biex tidħol fil-programm huwa li tkun onesta magħha nnifisha u ma madwarha, iżda ma tidhirx li qed tagħmel dan.

Il-mara minn San Ġiljan u residenti l-Belt u li hija magħrufa sew mal-Pulizija, l-aktar fejn tidħol id-droga f’April li għadda kienet ġiet ikkundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li sfidat ordnijiet ta’ żewġ Maġistrati meta hija ngħatat il-libertà proviżorja.
#

Fl-Appell l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-piena mogħtija mill-ewwel Qorti taqa’ fil-parametri tal-ligi u in vista tar-raġunijiet imsemmija ma tara l-ebda raġuni ‘l għala għandha tvarja l-piena imposta fuqha u għalhekk qed tikkonfermaha kemm fir-rigward tal-mertu kif ukoll fir-rigward tal- piena ta’ sentejn priġunerija imposta.

Ersilia Gauci kienet ammettiet li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li saret reċediva. Fost il-kundizzjonijiet li kisret kien hemm li damet ma tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija minn Jannar sa April 2020 u meta msejjħa l-Qorti fil-kawżi tagħha kienet tonqos li tidher. Hija appellat fuq il-piena mogħtija.

Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li qed tikkonferma dik il-parti tas-sentenza fejn iddikjarat li Gauci tilfet l-helsien mill-arrest u ordnat r-ri-arrest tagħha. Il-Qorti qalet ukoll li ma kinitx se tordna konfiska tal-flejjes mogħtija bħala garanzija kemm personali kif ukoll bhala depożitu stante li l-ewwel Qorti ma ordnatx il-konfiska

Il-flejjes kienu jammontaw għal €22,000 wara li kienet bil-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000, Fil-Qorti kien irriżulta wkoll li l-flus biex ingħatat il-pleġġ kienet għamlet tajjeb għalihom bintha.

Il-Qorti qalet li hija ppruvat tgħin lil Gauci tindirizza l-problema ta’ abbuż ta’ droga billi laqgħet it-talba tagħha beix tikkonverti ruħa f’Qorti ta’ Droga u dan b’digriet tagħha tad-19 ta’ Jannar 2021 pero dan ma sewa xejn.

Dan peress li inqas minn xahar wara l-Bord ta’ riabilitazzjoni ta’ persuni li nqabdu bid-droga bagħat kopja tal-verbal fejn informa lill-Qorti li peress li Ersilia Gauci instabet posittiva għal sustanza illeċita fil-ħabs ħass li kellu jirremetti lura l-kaz lejn l-Qorti.

Kienu diversi uffiċċjal li xehedu u qalu li Gauci għandha problema kbira ta’ abbuż ta’ droga u li minkejja li kellha ħafna għajnuna ġejja minn diversi professjonisti ma għarfitx tisfrutta l-opportunitajiet mogħtija lilha f’ dan ir-rigward.

Jidher li waqt li qeda fil-konfini tal-ħabs kellha ukoll inċident fejn instabet pożittiva għal sustanza illeċita u għalhekk dan l-aġir ma jawgurax tajjeb f’għajnejn il-Qorti li tant ridet tgħinha.

Mhux hekk biss iżda irriżulta ukoll li hija gidbet lill-uffiċċjali anke dwar l-ammont ta’ methadone li kienet qed tieħu u għalhekk jidher in-nuqqas ta’ affidibiltà tagħha li ma tkunx onesta ma min kien qed jipprova jgħinha tindirizza l-problema tagħha.

Ir-rapport tal-uffċċjal tal-probabtion Marilyn Attard kien jgħid ukoll li kif għamlet drabi oħra Ersilia Gauci tkun f’riskju li terġa’ lura ghal stil ta’ ħajja kaotika

Fir-rapport tagħha Gauci ma kinitx onesta mal-uffiċċjali tal- Caritas meta ġiet biex tagħtihom informazzjoni dwarha almenu fi tlett okkazzjonijiet.
Lanqas ma kienet onesta fuq l-ammont ta’ methadone li qiegħda tieħu biex jkun iktar faċli għaliha tiħi eleġibbli tidħol Dar l-Impenn.

Ma kinitx onesta dwar kemm għandha każijiet pendenti l-Qorti għaliex qalet li għandha każ wieħed biss. Saħqet li relazzjoni mal-uffiċċjal tal-probabtion mhijiex waħda tajba u għaldaqstant ma tħosshiex li tista tikellem magħha.

L-Ispettur Frank Anthony Tabone mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar deher għal Gauci.