Lokali Qorti

Maċedonjan imur 18-il xahar ħabs u Serb jinżamm arrestat fuq serq

Metodija Popov (ritratt qed jiġi arrestat) ta’ 40 sena mill-Maċedonja ġie kundannat 18-il xahar ħabs fuq ammissjoni filwaqt li sieħbu Boban Smijkovic ta’ 45 sena mis-Serbja wieġeb mhux ħati fuq serqa li seħħet fil-11 ta’ Diċembru minn ‘The Convenience Shop’ fil-Mosta. Smijkovic inżamm taħt arrest preventiv.

L-irġiel tressqu quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli fejn Smijkovic ġie mixli wkoll li waqt dan l-allegat reat ġarr arma u munizzjon fuqu waqt it-twettiq tar-reat fil-Mosta.

Huwa ġie mixli wkoll b’numru ta’ serqiet oħra fosthom minn appartament fin-Naxxar, serq relatat ma’ għodod elettriċi u minn sit ta’ kostruzzjoni ġewwa San Pawl il-Baħar.

Ġie mixli b’serqa minn Supermarket f’San Pawl il-Baħar u li seraq diversi oġġetti oħra minn karozza pparkjata f’Ħal Qormi.fis-26 ta’ Frar li għadda.
Il-Pulizija qalet li l-irġiel ġew arrestati wara ġimgħat ta’ investigazzjoni u osservazzjoni.

Smiljkovic ġie arrestat nhar it-Tlieta f’operazzjoni li kienet tinvolvi r-Rapid Intervention Unit, li ċċirkonaw l-appartament tiegħu f’San Pawl il-Baħar. Popov ġie arrestat l-għada f’appartament fil-Gzira

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia qalet fil-Qorti li fil-11 ta’ Diċembru li għadda seħħet serqa minn żewġt irġiel u wieħed minnhom kien armat. Spjegaw kif dakinhar huma kienu ħarbu minn fuq il-post b’karozza li kienet mibjugħa lil persuna li tiġi minn Boban Smijkovic.

Zammit spjega mill-investigazzjonijiet li saru ħareġ li Boban kien involut f’numru ta’ serq differenti. Qal kif Popov ġie arrestat wara li Boban Smijkovic ikkopera mal-Pulizija. Popov li qal li jaħdem bħala Barman fi stabbiliment ammetta l-akkużi miġjubin kontrih.

Smijkovic qal li kien jaħdem bħala electrician qabel iżda wara beda juża d-droga u ma baqax jaħdem. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Prosekuzzjoni talbet sabiex il-proċeduri kontra ż-żewġ akkużati jkomplu b’mod indipendenti min xulxin wara l-ammissjoni ta’ wieħed minnhom.
Il-Prosekuzzjoni tenniet li minkejja li mill-investigazzjonijiet ħareġ li Boban kien il-moħħ wara r-reat, Popov kien jaf li kienu se jwettqu r-reat u li Boban allegatament kien se jġorr l-arma.

Għalhekk il-Prosekuzzjoni talbet li jingħata sentenza ta’ priġunerija. Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Jason Grima spjegat kif dan huwa l-ewwel reat li bih tressaq l-akkużat u huwa ddispjaċieh ta’ dak li għamel.

Qal kif mis-serqa kull ma qala’ kienet is-somma ta’ mitt ewro. Il-Qorti kkundannat lil Maċedonjan Metodija Popov 18-il xahar ħabs effettivi. Fir-rigward ta’ Boban Smijkovic id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk intbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.