Lokali

Masterplan ġdid għal Manoel Island b’spazji akbar miftuħin għall-pubbliku

Il-Kumpanija MIDI plc issottomettiet masterplan ġdid lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-iżvilupp u r-restawr ta’ Manoel Island kif ukoll Environmental Impact Assessment (EIA) ġdid lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.


F’dan il-masterplan, il-footprint tal-bini l-ġdid naqas għal 10% tal-art minflok is-26% kif imfassal fil-Kuntratt ta’ Emphyteusis mal-Gvern filwaqt li, l-ammont ta’ bini ġdid issa se jkun ta’ 55,000 metru kwadru minflok il-95,000 metru kwadru kif kien previst fl-istess Kuntratt.


Il-masterplan il-ġdid jippreżenta disinn aktar sostenibbli li jinkludi żieda ta’ spazji miftuħin li, flimkien, jgħoddu mal-192,000 metru kwadru u li, minnhom, 175,000 metru kwadru huma spazji pubbliċi (ekwivalenti għal tnejn u għoxrin grawnd tal-futbol). Dan ifisser żieda ta’ kważi 20% ta’ spazji miftuha meta kkumparat ma’ dak ikkontemplat fil-Kuntratt mal-Gvern. Dawn l-ispazji miftuha jiġbru fihom Glacis Park ta’ 80,000 metru kwadru li
jdawwar il-Forti Manoel flimkien ma’ ieħor ġdid ta’ 35,000 metru kwadru fid-daħla ta’ Manoel Island.


Il-Kap Eżekkutiv tal-MIDI, is-Sur Mark Portelli, spjega li “il-ħtieġa li jkun mibdul il-masterplan ta’ Manoel Island irriżulta, waqt proċess ta’ investigazzjoni li sar taħt is-sorveljanza ta’ arkeologu indipendenti approvat mis-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali u li ħa madwar erbgħa u għoxrin xahar, fejn instabu fdalijiet arkeoloġiċi. Is-sit li kien investigat kienet saret referenza għalih fil-Cultural Heritage Report tas-sena 2018 bħala parti mill-EIA li kien sar dak iż-żmien u li indika l-ħtieġa ta’ aktar investigazzjonijiet. Dan il-proċess ikkonkluda li parti kbira mis-sit, li kienet maħsuba għall-iżvilupp, hija ta’ importanza arkeoloġika. Minħabba hekk, l-MIDI hadet l-opportunità biex tippreżenta masterplan ġdid għal Manoel Island.”


Apparti dan it-tnaqqis fl-iżvilupp, il-masterplan il-ġdid jeskludi l-parti tal-proġett marbuta mar-reklamazzjoni tal-art li tħares lejn ix-Xatt tal-Gżira. Is-Sur Portelli spjega li, “ittieħdet id-deċiżjoni li din il-parti tal-proġett ma ssirx ħalli ma jkunx hemm impatt negattiv fuq qiegħ il-baħar u l-kommunita Gżirjana.”

Il-masterplan il-ġdid jaħseb ukoll għal tiġdid fil-yacht marina eżistenti biex ikun żgurat trakkar iktar adegwat għall-jottijiet ta’ qisien differenti. Barra minn hekk, il-masterplan il-ġdid jaħseb ukoll għal aktar protezzjoni permezz ta’ floating breakwater li jkompli jnaqqas l-impatt ambjentali assoċjat ma’ breakwater permanenti. Barra minn hekk, l-islipway eżistenti fit-tramuntana ta’ Manoel Island, li tintuza mid-dilettanti se tigi upgraded bhala parti mill-iżvilupp.


F’dan il-masterplan, l-element kummerċjali huwa ddisinjat b’mod sensittiv u miġbur madwar il-Cattle Shed u l-Customs House, biex dan jikkumplimenta l-ispazju pubbliku ġdid fil-qalba ta’ l-izvilupp.


Il-masterplan il-ġdid jirrispetta l-obbligi kollha tal-Kuntratt mal-Gvern fejn jidħol ir-restawr tal-binjiet storiċi li se jingħataw ħajja ġdida, partikolarment il-binja ta’ Lazzarett li ser tiġi restawrata u mibdula f’binja ta’ użu kummerċjali b’element ta’ ospitalita’. Huwa stmat li r-restawr tal-binjiet storiċi jkopri spiża ta’ iktar minn €40 miljun; stima li tiġbor fiha l-ispiża li l-MIDI diġà għamlet tul dawn l-aħħar snin fuq ir-restawr tal-Forti Manoel.


Aktar minn hekk, il-kumpanija ser tiżviluppa faċilitajiet sportivi li se jingħataw lura lill-Gvern ħalli jitgawdew mill-kommunità Gżirjana. Dawn jinkludu grawnd tal-futbol full size għall-Gżira United FC u klabb tal-boċċi għad-dilettanti tal-lokal.

Is-Sur Portelli żied igħid li l-Manoel Island Foundation, li ġiet imwaqfa bejn il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-Kumpanija MIDI, ser tkompli tkun ta’ skrutinju biex tara li l-kundizzjonijiet kollha elenkati fil-Kuntratt mal-Gvern ikunu osservati għall-benefiċċju tal-pubbliku, partikolarment fejn jidħol aċċess għax-xtajta, il-wirt storiku, l-għoli tal-bini u l-ispazji miftuħin.


Fl-aħħar nett, is-Sur Portelli assigura li, “bħala żviluppatur responsabbli, il-Kumpanija MIDI, b’mod trasparenti, ser tkompli taħdem mill-qrib mal-istakeholders kollha interessati fil-proġett billi tagħti widen u żżommhom aġġornati b’dak kollu li jkun għaddej waqt l-izvilupp ħalli tassigura li l-benefiċċji sinifikanti ġġenerati mill-proġett lill-kommunità tal-Gżira, fil-fatt, jimmaterjalizzaw.”