Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: Il-Prim Ministru Robert Abela ma jridx jagħmel apoloġija mal-poplu

Il-varjant, u fatturi oħra, wasslu biex kellna żieda fin-numri

Jitħabbru miżuri wara n-numri rekord li kellna ta’ każi ġodda fl-aħħar jiem.

  • Ristoranti se joffru biss għal take away
  • Bars, kafetteriji u każini se jibqgħu magħluqin
  • It-tiġijiet u attivitajiet reliġjużi mhux se jitwaqqfu
  • L-iskejjel se jinżammu miftuħin, u mhux se jaqilbu għal lezzjonijiet online
  • Il-limitu ta’ nies li jinġabru flimkien f’postijiet pubbliċi ma nbidilx
  • Aktar restrizzjonijiet fuq laqgħat soċjali fid-djar privati
  • Projbizzjoni fuq sport minn 16-il sena ‘l isfel – il-kampjonat Premier tal-futbol mhux se jitwaqqaf
  • Ħaddiema tal-Gvern, fejn jistgħu, se jaqilbu fuq teleworking
  • Il-viżti fl-isptarijiet se jitwaqqfu
  • Filwaqt li l-miżuri li suppost kellhom jitneħħew fid-Djar tal-Anzjani, issa se jinżammu

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela qal illi dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ għal ftit ġimgħat, sal-11 t’April.

Abela qal li l-wage suppliment se jkun estiż sa Ġunju. Dan meta n-nies tan-negozju talbu estensjoni ta’ 12-il xahar biex ikunu jistgħu jippjanaw sal-aħħar tas-sena.

“Qed nitlobkom sforz ieħor”, qal il-Prim Ministru. Filwaqt li irrepeta li huwa jħossu “kburi”. “Se ssibuni magħkom, u se nsibkom miegħi”, stqarr Abela.

Skont Robert Abela, il-vaċċin qed iħalli r-riżultat mixtieq.

Għal mistoqsija ta’ Net News, il-Prim Ministru Robert Abela insista li ma jridx jagħmel apoloġija mal-poplu, u infexx f’attakk isteriku fuq il-media.

Fl-istess konferenza, il-Ministru tas-Saħħa ikkonferma li n-numri tal-Covid bħalissa huma inkwetanti. U qal li is-sitwazzjoni ta’ bħalissa “hi tellieqa”.

Chris Fearne ikkonferma li l-pressjoni fuq l-isptar ilha xhur fl-istess livell bin-numru ta’ nies rikoverati bil-Coronavirus. Fl-ITU biss hemm 21 persuna li qed jingħataw kura għall-Covid.

Fearne ma weġibx fuq in-numri marbuta mal-varjant.

Ikkummenta