Lokali

“Numru ta’ operaturi se jfallu wara d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq ir-ristoranti” – MHRA

Fi stqarrija maħruġa mill-MHRA b’reazzjoni għall-miżuri maħruġa mill-Gvern iktar kmieni llum, intqal li l-għeluq tar-ristoranti se jwassal biex numru ta’ negozji se jkunu qed jesperjenzaw effett ekonomiku kbir b’konsegwenza li numru ta’ operaturi qed ibassru li se jsofru minn sitwazzjoni fatali. Dan minkejja li l-maġġoranza segwew l-protokolli mposti fuqhom mill-awtoritajiet fl-aħħar xhur.

Il-President tal-MHRA, Tony Zahra saħaq li l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda ma jiswew xejn jekk ma jkunux infurzati mill-awtoritajiet, bis-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna kapaċi tkun iktar serja.

L-MHRA talbet lill-Gvern biex f’dan l-istadju jara sew jekk dawn l-aħħar miżuri hux se jkunu qed jagħtu r-riżultat mixtieq… jiġifieri li l-każi tal-COVID-19 f’pajjiżna jonqsu.

L-istqarrija ttemm billi turi t-tħassib tagħha dwar il-programm ta’ tilqim filwaqt li titlob lill-Gvern biex joħroġ dokument ta’ prova li Malta hi fuq quddiem nett tal-Istati Membri tal-proċess tat-tilqim.