Lokali

Aġġornata: Pollakka vittma ta’ serqa f’San Ġwann

Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri wasslu biex l-allegat ħalliel ġie identifikat u arrestat. Raġel ta’ 41 sena residenti Ħ’Attard kien arrestat fl-inħawi ta’ Tas-Sliema f’karozza, li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li hija l-istess waħda li allegatament intużat fis-serqa.

Parti mill-flus misruqa nstabu wkoll fir-residenza tiegħu. Aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Iktar kmieni: Pollakka ta’ 25 sena li taħdem bħala kaxxiera f’ħanut f’San Ġwann sfat vittma ta’ serqa li seħħet l-Erbgħa għall-ħabta tat-8.30pm.

Mill-informazzjoni li taw il-pulizija s-serqa seħħet fi Triq in-Naxxar, hekk kif raġel armat b’arma tan-nar daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera. Il-ħalliel ħarab minnufih minn fuq il-post, bil-pulizija qed tipprova televa xi filmati mill-cameras li jinsabu fil-qrib biex ir-raġel ikun jista’ jkun identifikat.

Il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett u tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri għadhom għaddejjin.