Internazzjonali

Żvezja: Midruba f’attentat ta’ omiċidju – bil-pulizija teskludi għal terroriżmu

Il-pulizija qed tinvestiga attakk li twettaq għall-għarrieda minn raġel armat b’sikkina li ħebb għan-nies u ħalla seba’ feruti – tlieta minnhom serjament.

Il-każ seħħ fil-belt ta’ Vetlanda, bil-pulizija qed titratta l-każ bħala attentat ta’ omiċidju filwaqt li qed teskludi kull potenzjal ta’ terroriżmu.

L-aggressur spiċċa ferut minn tiri li sparawlu l-pulizija u qed jinżamm l-isptar għal osservazzjoni. Intant, il-kundizzjoni tiegħu kienet iddikjarata stabbli u ma jidhirx li l-agggressur – li għandu bejn 20 u 30 sena – jinsab f’periklu tal-mewt.

Għalkemm il-pulizija ma identifikatx lill-aggressur, numru ta’ sorsi infurmati qed jgħidu li r-raġel hu refuġjat mill-Afganistan li ilu jgħix fl-Iżvezja mill-2018.

Sadanittant, l-attakk nissel sens kbir ta’ xokk fost il-poplu, bil-Prim Ministru Żvediż, Stefan Lofven, isostni, waqt diskors, li ‘din il-vjolenza xokkanti serviet biex tfakkar lil kulħadd dwar l-importanza tal-ħarsien tas-sigurtà dejjem u kullimkien’.