Internazzjonali

Covid-19: L-Awstralja titlob reviżjoni dwar il-waqfien tal-esportazzjoni tal-vaċċin — iżda ‘tifhem’ is-sitwazzjoni tal-Italja

L-Awstralja talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi d-deċiżjoni tal-Italja biex twaqqfilha l-esportazzjoni ta’ 250,000 doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca. Din hi l-ewwel darba li ntużaw regoli ġodda li jippermettu projbizzjoni għall-esportazzjoni mill-Unjoni Ewropea f’sitwazzjonijiet fejn entità li tissupplixxi l-vaċċin tonqos mill-obbligi tagħha lill-istess Unjoni.

Il-pass tal-Italja qed jikkomplika s-sitwazzjoni bejn l-AstraZeneca u l-UE rigward issues ta’ distribuzzjoni u dawmien fil-wasla tal-vaċċini — u fost it-tensjoni sussegwenti.

Intant, l-Awstralja qalet li ‘it-telfa ta’ kunsinna waħda tal-vaċċin’ mgħandhiex taffettwa ħażin il-proċess tad-distribuzzjoni tagħha – jew rollout.

Il-Prim  Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li filwaqt li qed jikkuntesta d-deċiżjoni tal-Italja biex twaqqaf l-esportazzjoni tal-vaċċin lejn pajjiżu, hu ‘jista’ jifhem’ għalfejn it-Taljani ħadu dan il-pass.

‘Fl-Italja qed imutu medja ta’ 300 kuljum (mill-virus) u għaldaqstant nifhem il-livell kbir ta’ ansjetà f’dak il-pajjiż u pajjiżi oħra tal-Ewropa’, qal Morrison.

Hu minnu li l-Italja ntlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija u l-aħħar rapporti qalu li d-deċiżjoni tagħha biex ‘timblokka’ l-esportazzjoni tal-vaċċin lejn l-Awstralja għandha l-appoġġ mill-Unjoni Ewropea. L-Italja reġistrat ‘il fuq minn 2.9 miljun każ tal-Covid-19 u madwar 99,000 mewta relatata. L-Awstralja, mill-banda l-oħra, irreġistrat biss mad-29,000 każ u 900 vittma f’din il-pandemija.

Sadanittant, l-Unjoni Ewropea u AstraZeneca naqsu li jikkummentaw b’mod uffiċjali dwar id-deċiżjoni li ħadet l-Italja fiċ-ċirkustanzi.

Fi żviluppi oħra, il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, qed jinsisti biex il-Brażiljani ‘ma joqgħodux jibku u jilmentaw dwar il-Covid-19’ waqt li kkritika l-miżuri igħat-trażżin tal-virus, minkejja l-aħħar spinta fil-każi u l-imwiet f’pajjiżu.

Il-kummenti ta’Bolsonaro, bħas-soltu, qed jitqiesu bħala kontroversjali meta nhar il-Ħamis, il-Brażil irreġistra żieda rekord fl-imwiet fuq perjodu ta’ 24 siegħa. Il-Brażil, illum, qed jiffaċċja l-agħar fażi tal-pandemija, bir-riżultat li s-sistema tas-saħħa nazzjonali tinsab fi kriżi.

Sadanittant, in-Niġerja, il-Kenja u r-Rwanda bdew il-programmi tat-tilqim kontra l-coronavirus taħt l-inizjattiva tal-Covax li tippermetti għad- distribuzzjoni tal-vaċċini lill-pajjiżi fqar u sotto-żviluppati. Dawn huma l-aħħar pajjiżi Afrikani li qed jibbenefikaw mill-inizjattiva u l-fażi inizjali tal-programm qed tikkonċentra fuq il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li qegħdin jingħataw it-tilqima tal-AstraZeneca.