Fl-ahhar sigħat, ġurnalisti reġgħu kienu fil-mira ta’ attakki ta’ mibegħda u theddid fuq il-media soċjali, wara li lbieraħ għamlu domandi pertinenti waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet imsejħa mill-Prim Ministru fejn ħabbar aktar miżuri fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna bl-aktar mod assolut dawn l-attakki viljakki. Esprima wkoll solidarjetà sħiħa ma’ dawn il-ġurnalisti, fosthom Tim Diacono u Nicole Meilak li sfaw fil-mira ta’ ħafna minn dawn l-attakki.
L-IĠM saħaq li hu dmir il-ġurnalist li jagħmel domandi lil min għandu jkun kontabbli quddiem il-pubbliku. Jekk dan ma jsirx, il-ġurnalist ikun biss propogandist.
F’sitwazzjoni fejn sfortunatament in-numru ta’ każi ta’ Covid-19 u l-imwiet minn dan il-virus huma f’livell ta’ tħassib, il-ġurnalist għandu dover jagħmel dawk id-domandi li l-pubbliku inkwetat jistenna tweġiba għalihom minn min hu responsabbli. Hu xogħol il-ġurnalist ukoll li jżomm lill-uffiċjali pubbliċi kontabbli ta’ ghemilhom.
Fost l-attakki fuq il-media soċjali
- Rachel Micallef kitbet li “nixtieq nidħol naħdem part-time boom mike ħalli nkun nista’ nkisser ix-xedaq ta’ erba’ so called ġurnalisti”. Dan mhux biss hu kliem ta’ mibegħda imma anke ta’ theddid u instigar għall-vjolenza kontra l-ġurnalisti.
- Mario Azzopardi kiteb li “dawn il-ġurnalisti bażwin li għandna jiġru minn konferenza għall-oħra, jafu li Malta kollha tistmerrhom u twaqqagħhom għaċ-ċajt”. Dan żgur hu tgħajjir kundannabbli.
Dawn l-attakki huwa kundannabbli. L-IĠM jittama li li l-Pulizija li għandha taqsima apposta biex tiġġieled il-kliem ta’ mibegħda u theddid imxerred fuq il-media soċjali u mkejjen oħra, tieħu passi skont il-liġi dwar dan il-ksur sfaċċat tal-liġijiet u toffri lill-ġurnalisti fil-qadi ta dmirhom dawk il-garanziji ta’ sigurtà li huma ntitolati għalihom bħal kull ċittadin ieħor.
Dawn l-attakki intlaqgħu minn sensiela ta’ messaġġi li ddefendew il-korp ġurnalistiku u d-dritt li jagħmlu xogħlhom mingħajr xkiel jew bizà.
Fost dawn, il-Prof Ġorġ Mallia, Kap tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni u l-Media fi ħdan il-Fakultà tal-Media fl-Università ta’ Malta kiteb li “il-ġurnaliżmu veru mhux rappurtaġġ ta’ komunikati. Mhux qiegħed hemm biex jirrapport l-istqarrijiet uffiċjali. Il-ġurnaliżmu veru qiegħed hemm biex jistaqsi mistoqsijiet skomdi. Biex jidħol fil-fond f’imkejjen miżmuma mistura mill-poplu. L-armati ta’ trolls organizzati li jqajjmu l-irwiefen kul darba li l-ġurnaliżmu tassew jagħmel xogħolu, hu indikazzjoni ċara li hemm bżonnu”.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinnota li sfortunatament waqt l-imsemmija konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru flok wieġeb id-domandi tal-ġurnalisti kollha, dawk li ħass li kienu domandi skomdi nfexx f’attakk fuq il-ġurnalisti li għamluhom. Dan ma jawgurax tajjeb għar-relazzjonijiet bejn il-Gvern u l-media. Nappellaw lill-awtoritajiet biex itennu l-appoġġ tagħhom lejn il-korp ġurnalistiku u ningħaqdu biex inżidu l-għarfien fost il-poplu dwar x’inhu l-irwol tal-ġurnalisti f’soċjetà demokratika.
L-Istitut tal-Gurnalisti Maltin ifakkar dejjem biex il-gurnalisti jimxu mal-kodici tal-etika f’hidmiethom. Link ghall-kodici hawn.
//= $special ?>