Internazzjonali

Iċ-Ċina qed tkompli tissikka l-morsa fuq Hong Kong

Il-Politburo taċ-Ċina – bħala l-entità ewlenija għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi – qed taċċerta li t-territorju ta’ Hong Kong għandu ‘jitmexxa biss mill-patrijotti’. Dan meta l-Gvern komunista f’Beijing kompla jfassal l-istrateġija ta’ ripressjoni għal Hong Kong, permezz ta’ bidliet drastiċi fis-sistema elettorali tal-eks kolonja Britannika.

Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, għamlet l-intenzjonijiet tagħha ċari, waqt li l-Prim Ministru Ċiniż, Li Keqiang, waqt diskors lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu ( f’Beijing) wissa ‘biex id-dinja ma tindaħalx fl-affarijiet ta’ pajjiżu’.

L-aħħar żviluppi segwew l-impożizzjoni ta’ liġi ‘inflessibbli’ li tirrigwarda s-sigurtà ta’ Hong Kong min-naħa taċ-Ċina u li fl-istess ħin kważi telimina l-kunċett tas-semi-awtonomija li t-territorju ilu jgawdi għal snin sħaħ.

Il-kritiċi qed jikkundannaw liċ-Ċina talli ‘qed toħnoq id-dissens (f’Hong Kong)’ u talli mhix tirrispetta l-ftehim għal ‘pajjiż wieħed b’żewġ sistemi (fir-rigward ta’ Hong Kong)’ li kien intlaħaq bejn il-mexxejja Ċiniżi u r-Renju Unit.

Taħt il-ftehim, Hong Kong, għal snin, seta’ ikompli jimplimenta s-sistema legali tiegħu, bir-residenti jgawdu drittijiet bħal stampa ħielsa u l-libertà tal-kelma.

Lord Chris Patten, l-eks Gvernatur Britanniku ta’ Hong Kong, qal, issa, li l-Partit Komunista taċ-Ċina ‘ħa pass kbir ‘il quddiem biex ikisser il-kunċett tal-libertà għal-Hong Kong, flimkien mal-aspirazzjonijiet tar-residenti għal sistema demokratika’.