Coronavirus Lokali

Il-gwerra kontra l-Covid għadha ma ntrebħitx – Kamra tal-Kummerċ

“Bħalissa ninsabu f’mument mill-aktar delikat hekk kif pajjiżna għandu bżonn jegħleb din iż-żieda qawwija f’numru ta’ każi ġodda ta’ Covid-19.”

Hekk sostna l-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb fejn wara t-tħabbira tal-miżuri l-ġodda tal-Ħamis huwa appella lis-sidien tan-negozji kif ukoll lil min iħaddem sabiex iħallu lill-impjegati tagħhom jaħdmu fuq bażi ta’ telework kemm jista’ jkun.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi l-Kamra tal-Kummerċ appellat għas-sens komun u r-responsabbiltà. Il-Perit Xuereb appella għal kawtela hekk kif saħaq li, “in-numri tal-aħħar jiem ġagħlu lil kulħadd jirealizza li t-tiġrija għadha ma ntrebħitx, u għad fadal triq twila. Dan filwaqt li nsista li l-poplu jrid joqgħod attent li l-proċess tat-tilqim ma jagħtix tama fażulla għaliex dan kollu jaf iwassal għal konsegwenzi traġiċi.”

Il-Kamra tal-Kummerċ spjegat li l-pajjiż għandu jingħaqad għaliex f’dan il-mument kull sagrifiċċju, żgħir kemm hu żgħir jaf ikollu impatt sinnifikanti.