Lokali

Il-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jiltaqa’ b’mod urġenti – PN

Aktar kmieni llum il-Membri Parlamentari Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia kitbu lill-Ispeaker Anġlu Farrugia u eżiġew li ssir laqgħa urġenti tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex ikompli jiġi diskuss ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja
Pubblika dwar il-każ li seħħ fid-29 ta’ Novembru tal-2019 meta numru ta’ ġurnalisti ġew imsakkra kontra r-rieda tagħhom fil-Berġa ta’ Kastilja.

Din il-laqgħa urġenti hija meħtieġa sabiex wara li l-Ispeaker ta r-ruling tiegħu waqt is-seduta tat-Tlieta 2 ta’ Marzu 2021 il-Kumitat ikun jista’ jkompli jiddiskuti r-rapport li ġie ppreżentat mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u sabiex il-Kumitat ikun jista’ jieħu
d-deċiżjonijiet meħtieġa skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika (Kap. 570 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Dan jgħodd aktar u aktar fid-dawl tal-ittra li l-Kummissarju għall-Istandards
fil-Ħajja Pubblika bagħat lill-Ispeaker Anġlu Farrugia lbieraħ il-Ħamis 4 ta’ Marzu 2021.

Għal dan il-għan il-Membri Parlamentari Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia indikaw id-data u l-ħin ta’ nhar it-Tlieta 9 ta’ Marzu 2021 fl-4.30pm meta tista’ ssir din il-laqgħa.

L-Oppożizzjoni tistenna li l-membri tal-Gvern u l-Ispeaker jikkoperaw magħhom sabiex din il-laqgħa tkun tista’ ssir b’mod urġenti u biex il-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jkunu jistgħu jaqdu r-rwoli tagħhom skont il-liġi.