Lokali Turiżmu

Il-Ministru Clayton Bartolo ma jagħtix raġuni għalfejn għalaq ir-ristoranti

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo li taħtu jaqa’ l-qasam tar-ristoranti u l-catering baqa’ ma tax raġuni għalfejn ħa d-deċiżjoni li jagħlaq ir-ristoranti.

Bartolo evita li jwieġeb għal din il-mistoqsija u li li jagħti raġuni konkreta għal kif ittieħdet id-deċiżjoni li tagħlaq ir-ristoranti iżda ma ttieħdux deċiżjonijiet oħra. Huwa qal li d-deċiżjoi saret fuq il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Dan minkejja li l-Professur Charmaine Gauci 24 siegħa qabel kienet qalet li r-ristoranti huma safe.

Il-Ministru sejjaħ lill-ġurnalisti għal konferenza tal-aħbarijiet biex 24 siegħa wara li għalaqhom ħabbar miżura biex suppost ittaffi mill-isfidi li se jkunu qed jiffaċċjaw ir-ristoranti fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Skont il-Ministru Bartolo, ‘esperti fil-qasam’ qalu li l-għotja ta’ €1,000 hija ġusta wara li dawn l-istabbilimenti ngħalqu mil-lum għall-għada. Dan minkejja li ħafna ristoranti kienu għadhom kemm għamlu nefqiet sostanzjali wara li nhar ġimgħa ilu, l-istess Gvern estendielhom il-ħinijiet tal-ftuħ b’siegħa oħra.

Bartolo ma riedx assolutament iwieġeb meta mistoqsi għaċ-ċifri jew perċentwali tal-każi li ħarġu mir-ristoranti, u ppressat biex jagħtihom qal biss li dawn ikunu ppubblikati meta jasal iż-żmien.

Dwar it-tħassib tal-MHRA għall mod kif qed isir it-tilqim, Bartolo ukoll ma qal xejn biex iserraħ moħħ l-assoċjazzjoni.

Intant Net News staqsa wkoll meta jaħseb li t-turiżmu f’pajjiżna jerġa’ jiġi għal xi tip ta’ normalità, bil-Ministru jwieġeb li kif jibdew jonqsu r-restrizzjonijiet minn pajjiżi oħra, il-Gvern Malti se jkun minn ta’ quddiem nett biex jattira t-turisti lejn pajjiżna.