Internazzjonali

Il-Papa jibda żjara storika fl-Iraq minkejja l-coronavirus u t-theddida għas-sigurtà

Il-Papa Franġisku wasal fl-Iraq għal żjara storika u fejn sar l-ewwel Kap tal-Kattoliċi li rifes l-art ta’ dan il-pajjiż fil-funzjoni uffiċjali tiegħu. Dan hu wkoll l-ewwel vjaġġ tal-Papa barra l-Vatikan kemm ilha li bdiet il-pandemija tal-coronavirus.

Fil-fatt, it-theddida mill-Covid-19 u l-periklu għas-sigurtà personali tal-Papa ilhom taħt analiżi minn ġimgħat qabel iż-żjara. Madankollu, il-Papa baqa’ determinat li ‘iżomm dan l-appuntament mal-Iraqqin bħala dover’ u meta hu irid jgħin biex ifarraġ poplu ‘li ilu s-snin jgħix taħt martirju’.

Il-Papa, f’dawn il-jiem, se jipprova jqawwi qalb il-membri tal-komunità Kristjana li aktar, kulma jmur, qegħdin jonqsu f’dan il-pajjiż.

Il-programm tiegħu jinkludi anki laqgħa mal-aktar Kap reliġjuż influwenti tal-Musulmani Xija bil-għan li jitkattar ir-djalogu bejn id-dominazzjonijiet reliġjużi. Impenn importanti ieħor fil-programm se tkun il-quddiesa li l-Papa għandu jiċċelebra fi stadium fil-belt ta’ Irbil, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iraq.

Mal-10,000 membru tal-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin jinsabu fuq ‘standby’ bħala parti minn programm ta’ sigurtà intensiva madwar il-Papa. Dan waqt li qed ikunu imposti wkoll il-curfews bil-għan li jillimitaw il-firxa tal-coronavirus.

Mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta’ Bagdad, il-Papa ntlaqa’ mill-Prim Ministru Iraqi Mustafa al-Kadhimi u issa qed iħejji għal-laqgħat mal-isqfijiet u membri oħra tal-kleru fil-Knisja tal-Kattoliċi Sirjaċi li hi dedikata lill-Modonna tas-Salvazzjoni. Intant, il-Papa hu determinat li jkompli jwassal il-messaġġi ta’ tama ‘lill-Kristjani persegwitati’ minbarra li jħeġġeġ għall-paċi matul il-laqgħat tiegħu mal-mexxejja politiċi u reliġjużi tal-Iraq.