Lokali

Il-UĦM tappella biex id-direttiva tar-‘remote working’ titħaddem b’mod ġust

Il-UĦM Voice of the Workers kitbet lill-Gvern biex tassigura li d-direttiva tar-remote working li reġgħet daħlet fis-seħħ minħabba l-COVID-19 titħaddem b’mod ġust u mhux bħal ma seħħ is-sena li għaddiet. Il-Kap Eżekuttiv Josef Vella għamel din it-talba f’ittra lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar. Fi stqarija, il-UĦM qalet li filwaqt li temmen bis-sħiħ li din hi miżura neċessarja sabiex tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID-19, temmen ukoll li biex din id-direttiva tkun effettiva għandu jseħħ dan li ġej:

• Kull post tax-xogħol li jaqa’ taħt is-settur u servizz pubbliku għandu jassigura li tkun in-norma li l-ħaddiema jaħdmu b’mod remot mid-dar u jibqgħu jaħdmu minn fuq il-post tax-xogħol biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u ġustifikati. Il-UĦM Voice of the Workers temmen li kull post tax-xogħol kellu sena ċans sabiex jipprepara għal din l-eventwalità u għaldaqstant mhux ġustifikat li post taxxogħol jgħid li ma għandux l-għodda neċessarja sabiex ix-xogħol isir mid-dar.

• Kull min jingħata remote working ma għandhiex titnaqqaslu t-take-home pay. Il-Unjin tinnota li s-sena li għaddiet dan sar u dan huwa inaċċettabbli. Għaldaqstant qed jiġi mistenni li joħorġu linji ċari mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li t-take-home pay ma tiġix mittiefsa.

• Min-naħa l-oħra fejn ċertu xogħol irid isir bilfors mill-post tax-xogħol lamministrazzjoni għandha toħloq sistema ta’ roster magħmula minn bubbles differenti, li ma jitħalltux flimkien u x-xogħol jiġi mqassam b’sistema ta’ rotation.

• Il-UĦM Voice of Workers qed titlob li kull post tax-xogħol għandu jikkonsulta magħha qabel tingħata direzzjoni lill-ħaddiema.

• Mhux aċċettabbli l-fatt li ħaddiema jiġu mċaħħda milli jaħdmu permezz ta’ remote working sempliċiment għax diġà ħadu t-tilqima. Hu fatt li t-tilqima, anke bit-tieni doża, ma tevitax l-imxija tal-COVID-19 iżda tevita biss sintomi gravi. Għaldaqstant dawn ukoll jistgħu jxerrdu l-imxija tal-COVID-19. Apparti hekk, lUnjin tinnota li ħafna ħaddiema jew għadhom ma ħadux it-tilqima jew ħadu biss l-ewwel doża.

Il-UĦM Voice of the Workers għamlet dawn it-talbiet biex ikun hemm direzzjoni ċara u ma jkunx hemm interpretazzjonijiet differenti tad-direttiva kif ġara s-sena li għaddiet.