Lokali

L-arroganza tal-Gvern Laburista issa tidher ukoll fil-proġett tal-Imsida – PN

L-arroganza tal-Gvern Laburista, li ma jridx jikkonsulta ma’ dawk kollha affettwati mill-proġetti infrastrutturali rajniha diġà f’għadd ta’ episodji oħrajn.

Fil-każ tas-Central Link, il-Gvern lanqas biss informa lill-bdiewa li se jidħol bl-inġenji fuq l-art tagħhom. U fl-Imrieħel qed narawha wkoll bħalissa, fejn il-bdiewa li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum minn art li l-Gvern irid jieħu mhux qed jiġu stmati kif xieraq b’konsultazzjoni.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina, il-Partit Nazzjonalista qal li l-istess qed iseħħ fl-Imsida, fejn proġett maġġuri li hu propost fil-Pjazza ta’ din il-lokalità mhux se jsirlu Rapport dwar l-Impatt Ambjentali (EIA).

L-EIA hu studju li jsir biex ikunu stabbiliti l-effetti ta’ proġett maġġuri li jkun qed jiġi diskuss. Dan jevalwa l-effetti ambjentali u soċjali tal-proġett.

Fil-każ tal-proġett fil-Pjazza tal-Imsida, skont l-ewwel skeda tal-Liġi Sussidjarja 549.46, jenħtieġ mhux biss EIA, iżda anke konsultazzjoni pubblika mar-residenti tal-inħawi.

Kif jixhdu l-pjanti ta’ Infrastructure Malta, dan il-proġett se jbiddel drastikament l-estetika u n-natura ta’ din il-Pjazza u għaldaqstant, hu ovvju li għandha ssir konsultazzjoni kif xieraq, temmet tgħid l-istqarrija.