Lokali Unjoni Ewropea

“L-isfidi tal-immigrazzjoni għandhom ikunu indirizzati kemm jista’ jkun malajr”

L-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni irregolari għandhom ikunu indirizzati matul dan it-terminu, bit-tama li dawn ma jibqgħux iħassbu lill-Ewropej, partikolarment dawk li ġejjin minn pajjiżi fil-Mediterran. Hu għalhekk li hemm bżonn Mexxejja sodi fil-Kunsill Ewropew, li jaraw li l-ħidma Ewropea kontra l-immigrazzjoni irregolari tħalli l-frott mixtieq.

Hekk qalet il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola – li hi wkoll l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew – matul konferenza tal-aħbarijiet.

Roberta Metsola fakkret kif is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat sett ġdid ta’ proposti leġislattivi li għandhom jindirizzaw l-isfida tal-immigrazzjoni fost l-Istati Membri tal-Unjoni, b’attenzjoni partikolari għal dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-periferija tal-kontinent.

Qalet li tittama li l-istess idea ssib l-appoġġ koerenti tal-Parlament Ewropew biex wara ħafna snin, ikun hemm l-iżblokk meħtieġ.

F’dan il-każ, il-ħidma li qed titmexxa minn MEP Żvediż tal-Partit Popolari Ewropew qed tara li jinstab kompromess bejn is-sigurtà u s-solidarjetà tal-pajjiżi, kif ukoll il-ħtiġijiet tal-persuni li jkollhom bżonn ġenwin ta’ ażil.