Lokali

“L-istituzzjonijiet iridu jaġixxu b’mod deċiżiv u b’determinazzjoni” – PN

Simon Busuttil kien ressaq il-provi fil-Qorti f'Mejju tal-2017 (Ritratt mill-Arkivji)
  • Il-PN jisħaq li l-konklużjonijiet tal-inkjesta kriminali fil-konfront ta’ Keith Schembri u Adrian Hillman għandhom ikunu ppubblikati

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaġixxu b’mod deċiżiv u b’determinazzjoni dwar ir-rapport tal-inkjesta maġisterjali fil-konfront ta’ l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat Keith Schembri u Adrian Hillman li ġie ippreżentat lill-Avukat Ġenerali ftit tal-jiem ilu.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li huwa fl-interess pubbliku li r-rapport tal-inkjesta maġisterjali jiġi ppubblikat mill-iktar fis possibbli u mingħajr ebda ċensura.

Kien fl-2017, li l-eks Kap tal-PBN Simon Busuttil kien ippreżenta provi permezz ta’ mijiet ta’ dokumenti b’rabta mal-allegat ħasil ta’ flus minn Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat u minn Adrian Hillman.

L-inkjesta maġisterjali kienet dwar kif Keith Schembri għadda b’mod suspettuż €650,000 lil Adrian Hillman permezz ta’ pagamenti regolari ta’ €5,000 il-wieħed kull xahrejn jew tliet xhur bejn is-snin 2011 u 2015.

Dwar dan kollu Simon Busuttil kien żvela wkoll rapport tal-FIAU li kien juri l-ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Adrian Hillman. Il-PN fakkar li minkejja li kienu irċevew dan ir-rapport, il-Pulizija baqgħu qatt ma ħadu passi kontra Keith Schembri u Adrian Hillman.

Fid-dawl ta’ dan l-aħħar żvilupp, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jibqgħux ikaxkru aktar saqajhom u minnufih jieħdu l-passi kollha meħtieġa fil-konfront ta’ dawk il-persuni li wettqu reati serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Bħala minimu, il-konklużjonijiet tal-inkjesta għandhom jiġu ppubblikati meta inkjesta maġisterjali tinvestiga persuni f’kariga pubblika.

L-istqarrija ttemm li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jeħtieġ li jagħtu prova li tassew qegħdin jaħdmu biex issir ġustizzja u li mhux se jħallu lill-politiċi jikkontrollawhom biex jipproteġu lil nies bħal Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Aktar dewmien f’dan il-każ ifisser li l-poplu Malti u Għawdex se jibqa’ jiġi mċaħħad milli ssir ġustizzja miegħu u tkompli tiddgħajjef il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter f’pajjiżna.